Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Il-PN ifakkar l-10 anniversarju mis-sħubija fl-UE għada fi Pjazza San Ġorġ

“Malta Aħjar fl-Ewropa” hi t-tema ta’ attività tal-massa li se jorganizza l-Partit Nazzjonalista għada filgħaxija, fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt. Din se tkun l-attività prinċipali tal-kampanja elettorali tal-PN għal din il-ġimgħa. L-iskop tal-attività hu biex jitfakkar l-10 anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Dakinhar, pajjiżna kien iċċelebra d-dħul tiegħu fl-UE propju fil-lejl ta’ bejn it-30 ta’ April u l-1 ta’ Mejju.

Matul l-attività, li se tibda fis-7pm, il-folla f’Misraħ San Ġorġ se tkun indirizzata mill-Kap tal-PN Simon Busuttil. Qablu se jagħmlu diskorsi wkoll iż-żewġ Viċi Kapijiet tal-PN Mario de Marco u Beppe Fenech Adami, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Chris Said. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-kampanja elettorali tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-indirizz www.maltaahjar.com. Minn dan is-sit, wieħed jista’ jara l-aħħar aħbarijiet b’rabta mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u x’attivitajiet se jkun qed jorganizza l-PN fil-jiem li ġejjin.

Sadanittant, propju f’għeluq l-10 snin ta’ Malta fl-UE, il-Ġimgħa li ġej se jkun qed iżur Malta l-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean Claude Juncker, li hu l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Juncker se jżur pajjiżna bħala parti minn programm ta’ żjarat li qed jagħmel fl-Istati Membri tal-UE fil-kampanja tiegħu għal din il-kariga.

Fil-ftit sigħat li se jkun f’pajjiżna, Juncker se jkollu diversi impenji u laqgħat mat-tmexxija tal-PN. Juncker hu meqjus bħala ħabib kbir ta’ Malta u tal-PN, u ta kontribut qawwi biex Malta tissieħeb fl-UE. Hu ħadem ħafna wkoll biex Malta tikseb l-aħjar pakkett possibbli fin-negozjati tas-sħubija.