Qorti

Id-Difiża fil-kumpilazzjoni dwar il-qtil tal-“Imnieħru” u ibnu terġa’ ssostni t-tħassib tagħha dwar il-poteri tal-Prosekuzzjoni u l-AĠ

L-avukat Joe Giglio, f’żewġ verbali li għamel, reġa’ wera’ t-tħassib tiegħu dwar il-poteri li qed jingħataw lill-Avukat Ġenerali u lill-Prosekuzzjoni, li bihom għandu jkun imħasseb iċ-ċittadin. L-avukat Giglio kien qed jivverbalizza meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ George Galea ta’ 41 sena minn San Ġiljan u Jason Galea ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, li huma akkużati bil-qtil ta’ Mario Camilleri magħruf bħala “l-Imnieħru” u ibnu Mario Camilleri Jr.

Iż-żewġ omiċidji seħħew fis-17 ta’ Lulju li għadda. Il-missier u l-iben kienu nstabu mejtin f’għalqa fil-Qajjenza, limiti ta’ Birżebbuġa. Din hi t-tieni darba li l-avukat Giglio, li qed jidher għal Jason Galea, kellu kliem iebes għal emenda li għaddiet f’Marzu li għadda imsejħa “Witness Protection Programme“. Hu qal li issa jistenna li Jason Galea u l-membri tal-familja jingħataw xi forma ta’ protezzjoni għax b’dak li qed isir min-naħa tal-Prosekuzzjoni u l-Avukat Ġenerali, illum għandna f’isem il-“Witness Prosecution Protection Programme“.

Dan ħareġ illum, quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona, meta xehed Alfredo Attard, wieħed mis-suspettati li pparteċipa fil-qtil ta’ Mario Camilleri ta’ 53 sena u ibnu Mario ta’ 23 sena. Attard, li skont il-Prosekuzzjoni għandu marda terminali, se jibbenefika mill-emenda u mhux se jittieħdu passi fil-konfront tiegħu fil-Qorti. Attard xehed li Jason Galea qallu biex ineħħi l-katavru ta’ Matthew Zahra, li kien instab mejjet fil-post fejn kienu nstabu Mario Camilleri u ibnu.

Alfredo Attard irrakkonta kif il-vittmi kienu ssawwtu u li Mario Camilleri Jr kien spiċċa qala’ tir ukoll. Qal li anke “l-Imnieħru” kien sofra minn tir sparat lejh u li ibnu kien qala’ madwar 34 daqqa. Huma kienu ndifnu fl-għalqa ta’ Attard. Dak il-ħin, l-avukat Giglio u l-avukat Giannella de Marco, li qed tidher għal George Galea, oġġezzjonaw għax-xhieda ta’ Attard, iżda l-Qorti qalet li dan għandu jkompli jixhed.

Attard kompla jgħid li Jason Galea kien wegħdu Lm5,000 biex iż-żewġ vittmi jinqatlu u jiġu midfuna fl-għalqa tiegħu. Hu xehed kif Leli “id-Deffien” kien daħal fl-għalqa ma’ Mario Jr u hu talbu biex jitlaq. Wara, Jason daħal u kien hemm ukoll Mario Jr u George Galea, li kien qed jistaħba wara xi purtieri. Galea spara żewġ tiri imma ma kienx laqat lil Mario Jr. Jason qabad lill-istess Camilleri, li flimkien ma’ George bdew isawwtuh brutalment. Wara ġabu sikkina minn kamra u tant bdew jagħtuh biha, li din tgħawwġet u nqasmet.

Ix-xhud qal li sema’ lil Mario Jr jgħid lil Jason Galea biex iħallih. Dak il-ħin, omm Maria Camilleri, Mona, dehret emozzjanata u ħalliet l-awla. Attard kompla jgħid li l-akkużati bdew isawwtu lit-tifel b’kull ma beda jiġi għal idejhom. Ix-xhud qal li difen liż-żewġ vittmi f’madwar pied ħamrija wara li ħaraqhom. Qal li l-Pulizija ħadu diversi oġġetti mill-għalqa tiegħu, li kienu propjetà ta’ Matthew Zahra, li wkoll instab midfun fil-post.

Dwar il-mewt ta’ “l-Imnieħru” u ibnu, qal li x’ħin miet xeħtuh f’karretta u wara xeħtuh fuq missieru fil-ħofra. Dak il-ħin, Attard keċċa lil Jason Galea mill-għalqa, iżda hu qallu “Kont se nġib oħra iżda kienet se tisparali”. Attard qal li lill-vittmi għattiehom b’pied u nofs demel. Qal li Jason Galea ħallielu xi armi u qallu biex jarmihom. Qal li hu remiehom f’maqjel tan-nagħaġ. Fost l-affarijiet kien hemm revolver u arloġġ ta’ Camilleri Jr.

Meta kien qed iwieġeb għal diversi mistqosijiet, Atard qal li madwar sena qabel il-qtil ta’ Camilleri u ibnu, Jason kien qallu li ried jagħtih Lm2,000 biex juża’ l-għalqa tiegħu ħalli joqtol u jidfen lil Matthew. Hu qal li mill-flus imwiegħda, Jason kien ħallas biss Lm200, Lm100, Lm50, Lm20 u żewġ pagamenti separati ta’ Lm10 kull darba. Hu qal li waqt il-qtil ta’ Matthew, Ronald Urry, li hu akkużat bil-qtil ta’ Zahra, kien staħba taħt ħajt u meta wasal Jason fi Skoda bajda kien spara żewġ tiri. Dak il-ħin, ix-xhud qal li hu kien taħt siġra tal-ħarrub fl-istess għalqa.

Qal li Jason u Ronald ħarġu lil Matthew barra mill-karozza, fittxew fil-bwiet tal-qalziet tiegħu u hemm sabu choker tad-deheb, li Jason ħa. Qal li hu kien talab lil Jason għall-bqija tal-flus, li iżda qatt ma ħa. Wara l-qtil, Jason irritorna fir-razzett tiegħu u Alfredo kien talbu biex jitlaq. Wara kien infurmat li xi ħadd ra lil Jason jidħol fil-propjetà tiegħu meta hu ma kienx ikun hemm. Hu ammetta li ħarqu l-ġisem ta’ Matthew u ddeċeida li jżomm l-għadam tiegħu biex id-dnub ma jorqodx.

Qal ukoll li Jason Galea kien imur ifittxu fil-Każin Laburista ta’ Birżebbuġa għax hu dejjem ipoġġi hemm. Waqt il-kontroeżami, li sar mill-avukat Joe Giglio, Attard qal li kien ilu jaf lil Jason madwar sena u kien ikun ta’ sikwit il-Każin Laburista. Dwar l-arrest, qal li darba rċieva karta biex jitla’ jixhed. Qal li kien informa lill-Pulizija dwar il-kundizzjoni ta’ saħħtu u dejjem kellu għassa stretta miegħu. Qal li ma kienx jaf li kien hemm bdil fil-Liġi u li l-Pulizija kellmuh il-ġimgħa li għaddiet u qatt ma qalulu jekk hux se jitressaq b’arrest jew le.

Giglio, imbagħad, għamel verbal u qal li d-Difiża qed tkompli tesprimi s-sorpriża tagħha għall-fatt li x-xhud qiegħed taħt “Witness Protection Programme“, meta l-informazzjoni li ta taqbel eżatt ma dik li ta Galea lill-Pulizija. Waqt il-kontroeżami mill-avukat Giannella de Marco, Attard qal li l-għalqa li għandu ma kinitx tintuża’ u li kienet żdingata. Qal li hu dejjem ma’ Jason Galea ftiehem u qatt ma ftiehem ma’ George Galea.

Attard qal li dakinhar li marru l-Pulizija l-għalqa, hu kien dieħel bil-lejl mill-Każin Laburista. Mistoqsi minn de Marco jekk kienx jaf għaliex marru hemm, Attard qal li ma tridx tkun għaref biex tinduna. Qal ukoll li kien jaf li jinsab fl-inkwiet. Qal li kien arrestat għal 48 siegħa fi tliet okkażjonijiet differenti u li kien kellmu l-Ispettur Fabian Fleri. Xehed li meta kien arrestat fl-aħħar 48 siegħa, il-Pulizija ġabulu avukat u dan l-avukat qallu li għandu jixhed biex jintbagħtu l-ħabs George u Jason Galea.

Fl-ewwel verbal ippreżentat fil-Qorti, l-avukat ta’ Jason Galea, Joe Giglio, qal li sa mill-bidu tal-proċeduri, il-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li kellha xi xhieda pajżana li kellhom jixhdu. Qal li fis-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2013, il-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li kien hemm żewġ xhieda li jridu jixhdu u dawn kienu Emmanuel Farrugia magħruf bħala Leli d-Deffien, u Alfredo Attard. Il-Prosekuzzjoni vverbalizzat li Attard għandu problemi mediċi serji u li kien impossibbli li jattendi l-Qorti. Qal li l-Qorti kienet iddeċidiet li jitla’ jixhed it-tabib ta’ Attard.

Fit-18 ta’ Diċembru 2013 it-tabib ma telax jixhed, iżda kien ippreżentat ċertifikat mediku. Il-Qorti stqarret li ma kinitx qed tara raġuni li dan ix-xhud ikun inkapaċi milli jixhed u ordnat li jixhed, minkejja li fis-seduti ta’ wara qatt ma nġieb jixhed. Il-verbal l-ieħor jgħid li fit-18 ta’ Marzu 2014 ġie emendat Artiklu 636 kap D u Artiklu 81 kap 164. B’dawn l-emendi, il-“Witness Protection Programme” kien estiż għal “Protection from Witness Programme“.

Qal li fit-12 ta’ April, il-Kummissarju tal-Pulizija talab biex Attard jibbenefika mill-emendi, bl-Avukat Ġenerali jilqa’ t-talba. Intqal li Attard ipparteċipa fl-omiċidji ta’ Mario Camilleri u ibnu Mario Jr, kif ukoll Matthew Zahra. Giglio qal li fl-ewwel seduta, Attard kien f’pożizzjoni li jattendi u xehed. Qal li f’dan il-perjodu, it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ Jason Galea ġew miċħuda fl-istess waqt minħabba intraċċi ta’ provi u li qatt ma ngħata bail.

Huwa żied jgħid li l-mod kif imxew id-Difiża u l-AĠ ma kienx bl-aħjar mod u li l-Qorti ġiet fornuta b’informazzjoni mhux korretta. Għaldaqstant, intqal li mart u bint Jason Galea jitpoġġew vera taħt “Witness Protection Programme” minħabba azzjonijiet intimidanti li ilhom iseħħu fil-konfront tagħhom, fejn fost oħrajn tefgħulhom żebgħa mal-faċċata tad-dar. Giglio qal li l-leġiżlazzjoni introdotta qed tkompli tnaqqar mill-poteri tal-Qorti u qed issaħħaħ idejn l-AĠ u l-Prosekuzzjoni. Id-Difiża qalet li kull ċittadin għandu għaliex jinkwieta.

Min-naħa tagħha, l-avukat de Marco għamlet l-istess verbal u qalet li l-Qorti tal-Maġistrati għandha tirreferi l-kawża għall-Prim Awla in vista ta’ ksur ta’ Artikli 5 u 6 tal-Konvenzjoni Ewropea. Hi qalet li x-xhieda hi mibnija b’dawn il-vantaġġi.