Edukazzjoni Lokali

Il-‘banding’ ikompli jsaħħaħ il-labelling negattiv u jżid is-segregazzjoni – żewġ taqsimiet fl-Università

Il-banding ikompli jsaħħaħ il-labelling negattiv ta’ studenti li jinsabu f’riskju fis-sistema edukattiva. Dan jista’ wkoll ikompli jżid is-segregazzjoni għal studenti b’diżabbiltà. Dan qalitu fi stqarrija t-Taqsima għall-Istudju tad-Diżabbiltà fi ħdan il-Fakultà tas-Social Wellbeing fl-Università ta’ Malta, flimkien mat-Taqsima għall-Inklużjoni u Aċċess għat-Tagħlim fi ħdan il-Fakultà tal-Edukazzjoni.

Iż-żewġ taqsimiet esprimew it-tħassib tagħhom dwar id-dħul tal-banding ta’ studenti fl-Iskejjel Primarji, li hi meqjusa bħala kelma oħra għal streaming. Fl-istqarrija konġunta, iż-żewġ taqsimiet ta’ fakultajiet differenti tal-Università qablu li l-konsegwenzi tal-banding jistgħu joħolqu aktar segregazzjoni għal studenti b’diżabbilta’.

Fl-istqarrija, saret referenza għall-introduzzjoni ta’ politika għal edukazzjoni inklussiva fl-1994, li fissret li studenti b’diżabbiltà kien se jkollhom l-opportunità li jitgħallmu flimkien ma’ studenti mingħajr diżabbiltà fi skejjel mainstream. Il-ħolqien tas-sistema tal-Kulleġġi u t-tneħħija tal-Junior Lyceum u l-eżamijiet tal-Common Entrance komplew isaħħu s-sistema inklussiva, sostnew iż-żewġ taqsimiet.

Fil-kritika tagħhom għad-dħul tal-banding, iż-zewg taqsimiet fl-Università ta’ Malta sostnew li hu probabbli ferm li l-banding ikompli jsaħħaħ il-labelling negattiv ta’ studenti li jinsabu f’riskju fis-sistema edukattiva. Dan il-labelling negattiv żgur ikun jinkludi studenti b’diżabbiltà u dawk b’diffikultajiet fit-tagħlim, sostnew iż-żewġ taqsimiet.

Fl-aħħar tal-istqarrija ntqal li l-edukazzjoni inklussiva hi waħda mill-pedamenti li fuqha tinbena soċjetà inklussiva, li ma tħalli lil ħadd barra. Għalhekk, iż-żewġ taqsimiet fl-Università ta’ Malta tennew li l-politika fil-qasam tal-edukazzjoni għandha ssaħħaħ, mhux iddgħajjef, l-inklużjoni ta’ studenti b’diżabbiltà fl-iskejjel f’Malta u Għawdex.