Lokali

Il-Gvern reġa’ ċaqlaq jew biddel seba’ Segretarji Permanenti wara sena biss

Sena wara li kien biddel kważi s-Segretarji Permanenti kollha wara l-elezzjoni ġenerali, il-Gvern Laburista reġa’ ċaqlaq jew biddel seba’ Segretarji Permanenti oħra f’numru ta’ Ministeri. Dak li ħafna qed jiddeskrievuh bħala musical chairs bejn il-Ministeri fih fattur wiehed komuni, dak li ċ-Ċivil ukoll sar għal tal-qalba biss.

Dan minkejja li l-kariga ta’ Segretarju Permanenti suppost hi intiża bħala waħda mhux politika, bil-persuna li timla’ din il-kariga tkun responsabbli mit-tmexxija ta’ dak id-dekasteru partikolari u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Kif jixhed l-isem, is-Segretarji Permanenti kienu ntiżi li jagħtu kontinwità u l-kariga tiġġedded kull tliet snin u ma tkunx marbuta mal-bidla fil-Gvern.

Iżda għall-Gvern Laburista, il-pożizzjoni tas-Segretarji Permanenti hi biss post ieħor fis-servizz pubbliku fejn ipoġġi lil tal-qalba u l-aħħar ħatriet jixhdu dan. Il-ħatra ta’ seba’ Segretarji Permanenti ġodda mill-President, fuq parir tal-Prim Ministru, tħabbret fil-ħarġa tal-Ġimgħa tal-Gazzetta tal-Gvern.

Joyce Dimech, li kienet Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex, hi qrib ħafna ta’ Frank Psaila, li sa ftit ilu kien konsulent tal-Ministru Anton Refalo. Wara li tneħħa mill-Ministeru għal Għawdex, Psaila nħatar konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Issa Joyce Dimech inħatret Segretarju Permanenti fl-OPM biex tkun viċin ta’ Frank Psaila.

Fiona Formosa nħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Formosa hi mart Marvin Formosa, li kien konsulent tal-eks Ministru Marie Louise Coleiro Preca u tal-eks Segretarju Parlamentari Franco Mercieca. Hi ħadet post Joseph Cole, li kien inħatar is-sena li għaddiet mal-bidla fil-Gvern.

John Borg, minn B’Kara, inħatar Segretarju Permanenti ġdid fil-Ministeru għal Għawdex minflok Joyce Grech. Qabel din il-kariga, Borg kien Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Turiżmu, izda l-eks Ministru Karmenu Vella xejn ma kien kuntent bih u qabel ir-reshuffle kien hemm tentattivi biex jitneħħa. Issa minflok tneħħa, għax hu qrib ħafna tal-esponenti Laburisti, ingħata kariga x’imkien ieħor.

Nancy Caruana hi s-Segretarju Permanenti l-ġdid fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intraprizi ż-Żgħar. Qabel din il-ħatra, Caruana ngħatat żewġ promozzjonijiet fi ftit xhur. Hi ħadet post Paulanne Mamo, li għamlet ftit aktar minn sena fil-kariga.

Fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Enerġija nħatar Segretarju Permanenti Ronald Mizzi. Qabel din il-kariga, Mizzi kien Senior Manager u għad għandu 33 sena. Sorsi fiċ-Ċivil jgħidu li Mizzi m’għandux l-esperjenza u l-maturità għal din il-kariga. Iżda għax hu tal-qalba, ġie appuntat f’din l-ogħla kariga f’Ministeru. Hu jieħu post John Rapa, li kien is-Segretarju Permanenti f’dan il-Ministeru.

L-eks Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Enerġija Mario Rodgers issa sabu ruħu Segretarju Permanenti fil-Ministeru tat-Turiżmu. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li Rodgers m’għandu ebda esperjenza f’din l-industrija u ma kienx jara għajn m’għajn mal-Ministru Konrad Mizzi. Iżda l-fatt li hu magħruf bħala wieħed tal-qalba, minflok tneħħa, intbagħat f’Ministeru ieħor.

Fl-aħħarnett, Maria Dolores Ellul, li sa ftit ilu kienet Direttur Ġenerali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, issa ngħatat promozzjoni għal Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ġustizzja.

Sorsi qrib iċ-Ċivil li tkellmu magħna qalu li l-ħaddiema fis-settur pubbliku huma rassenjati li l-ħatriet fl-ogħla pożizzjonijiet m’għadhomx isiru fuq bażi ta’ kompetenza. Lanqas li tkun Laburist ma hu biżżejjed, qalulna s-sorsi, għax l-uniku kriterju hu jekk intix minn tal-qalba jew le.

L-istess sorsi rrimarkaw li f’din l-aħħar mewġa ta’ promozzjonijiet għal tal-qalba, li waslet wara r-reshuffle, twarrbu ħafna nies li kellhom esperjenza, inkluż fl-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan qed iwassal biex il-pajjiż qed jaqa’ lura fl-użu tal-fondi. Dan kollu wassal biex is-servizz pubbliku llum spiċċa politiċizzat, bid-deċiżjonijiet jittieħdu mis-Segretarjati Privati tal-membri tal-Kabinett, biċ-Ċivil iservi biss ta’ rubber stamp.