Il-Partit Nazzjonalista lest li jkun it-tarka tal-ħaddiema kollha, inkluż ta’ dawk il-ħaddiema li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet il-Partit Laburista użahom u issa remihom. Hawn eluf ta’ ħaddiema li qed ifittxu x-xogħol filwaqt li dawk tal-qalba qed jiffangaw b’impjiegi mal-Gvern tant li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena l-ispiża għal pagi tal-Gvern żdiedet bi 22 miljun ewro.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan illejla waqt attivita’ politika tal-PN fil-Ħamrun li trattat il-qasam tax-xogħol. Hu kien qed jirreaġixxi għal dak li qal Gejtu Vella li serva għal snin twal fil-qasam trejunjonisitku li appella lil Partit Nazzjonalista jkun it-tarka ta’ eluf ta’ ħaddiema li qed jingħataw xoghol prekarju u fost il-klawsoli fil-kuntratt ikollhom miktub, “if and when required”.
Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern Laburista m’għandux ideat kif se joħloq ix-xogħol għaż-żgħażagħ tal-lum u għat-tfal li fuq medda ta’ snin jaslu biex ukoll iridu jidħlu fid-dinja tax-xogħol tant li r-rata tal-qgħad qed dejjem tiżdied. Hu qal li dak li mhux jagħmel il-Gvern qed jagħmlu l-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista naqsu l-esportazzjoni u l-importazzjoni filwaqt li r-rata tal-qgħad zdiedet u issa qed tlaħħaq madwar 8,000 ruħ. Hu qal li l-Gvern f’sena daħħal 1,300 persuna mal-Gvern u dan minbarra l-1,500 oħra li daħlu minflok dawk li irtiraw. Dan se jwassal biex f’sena in-nefqa fil-pagi tal-Gvern se tiżdied b’90 miljun ewro. Hu appella biex pajjiżna jinvesti iktar fl-ekonomija kreattiva u fl-ekonomija l-ħadra.
Isabelle Camilleri, il-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ appellat lil Gvern li jaħdem biex joħloq ix-xogħol għaż-żgħażagħ.
Gejtu Vella fakkar li qabel ma Malta saret membru tal-UE 10 snin ilu, l-Partit Laburista ried Żvizzera fil-Mediterran. Imma issa tisma’ Ministri tal-Gvern Laburista jitkellmu dwar kif se jonfqu l-flus li Malta ġabet mill-UE. Hu qal li fost it-33 kandidat li se jikkontestaw l-elezzjoni għal Parlament Ewropew hemm dawk li qed jikkontestaw għal konvenjenza u dawk li verament jemmnu fl-UE.
Martin Musumeci, lekċerer fl-Universita`, qal li r-riforma fl-edukazzjoni li saret fil-bidu tas-snin 90 wasslet biex illum iktar minn 90 fil-mija tal-istudenti qed jagħmlu l-eżami tal-MATSEC filwaqt li fl-Universita` l-istudenti żdiedu u llum ilaħħqu l-eluf. Hu bhala missier ta’ tifla ta’ 12-il sena wera t-tħassib tiegħu dwar l-Avviż Legali li bih il-Ministru tal-Edukazzjoni se jikseb aċċess għal informazzjoni sensittiva u personali fuq it-tfal kollha.
Filmat: Il-PN lest li jkun “it-tarka tal-ħaddiem”


