Nisimgħu ħafna ċifri dwar l-ekonomija li forsi naħsbu li m’għandhomx x’jaqsmu mal-ekonomija tal-bwiet tagħna, dik li xi politiċi jsejħu l-ekonomija tal-kċina. Imma ċerti ċifri ekonomiċi fil-fatt qed jirriflettu l-inkwiet tan-nies fuq l-ekonomija tal-but.
Żieda fil-qgħad
L-ewwel nett, il-qgħad. Żieda fil-qgħad fl-aħħar sena kontra x-xejra barra minn Malta u li qed tfisser li ħafna żgħażagħ Maltin li jibdew ifittxu xogħol qed isibuha diffiċli jsibuh, u – agħar minn hekk – qed isibuha diffiċli jsibu xogħol b’paga suret in-nies.
Imma tal-qalba jiddaħħlu mal-gvern b’pagi lussużi
Għax il-gvern qed joħloq differenza bejn tal-qalba u l-bqija. Għal tal-familja u tal-qalba hemm xogħol, mal-gvern, u b’pagi tajbin, ibda minn erba’ kandidati tal-Labour għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju li huma fost l-2,000 ruħ ġodda li daħlu mal-gvern.
Pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi tal-bqija
Imma għall-bqija hemm is-sinjal tal-EneMalta mibjugħa liċ-Ċina li qed tgerger li l-pagi għoljin wisq hawn. Ċifri oħrajn juru li x-xogħol li qed jinħoloq qed joħduh barranin li f’pajjiżhom tant hemm pagi baxxi li l-paga minima t’hawn għalihom lussu.
6,000 żagħżugħ u żagħżugħa jfittxu xogħol, imma garanzija għal 350 biss
Ċifri oħrajn huma dawk dwar iż-żgħażagħ ifittxu x-xogħol – mas-6,000. Il-Labour kien qal li liż-żgħażagħ kollha se jħaddimhom u jħarriġhom, imma issa se jagħmel dan għal 350 biss. U l-bqija x’jagħmlu?
Pagi u pensjonijiet ma jlaħħqux mal-mediċini
Inkwiet ieħor tan-nies hu dwar kemm il-pagi u l-pensjonijiet kapaċi jlaħħqu. Barra l-għoli tal-ħajja, hemm ukoll il-fatt li ħafna familji suppost jieħdu mediċini b’xejn li fil-fatt qed ikollhom imorru jixtruhom. Dan hu attakk fuq il-pagi u fuq il-pensjonijiet.
U ma nafux x’ġej fuq in-nollijiet tal-karozzi tal-linja
U issa hemm il-fatt li l-gvern Laburista qed jgħid lill-gazzetti li n-nollijiet tat-trasport pubbliku u anke s-sussidji se jkollhom jogħlew sew; attakk fuq min iħallas it-taxxi u fuq ħafna familji bi dħul baxx li jiddependu fuq it-trasport pubbliku ta’ kuljum.
Nuqqas ta’ bejgħ
In-nies qed jindunaw b’dan kollu u naqas il-bejgħ kif qed jikkonfermaw tal-ħwienet u anke l-istatistika uffiċjali li turi lil Malta l-agħar fl-Ewropa għall-bejgħ fil-ħwienet.
Il-Labour iżid id-dejn bi 300 miljun…
U waqt li s-saħħa sejra lura fl-istennijiet u l-mediċini, il-gvern stess qal lill-imsieħba soċjali li hemm bżonn inaqqas x’jonfoq fuq is-saħħa ħalli jnaqqas id-dejn li fl-ewwel sena sħiħa tiegħu, minn April tas-sena l-oħra sax-xahar l-ieħor, żiedu bi 300 miljun ewro.
…waqt li qed jattakka s-servizzi tas-saħħa
Imma d-dejn mhux bir-ration tas-servizzi tas-saħħa għandu jnaqqsu imma billi jnaqqas min-nefqiet lussużi tal-kabinett rekord u l-impjiegi mal-gvern għal tal-qalba u tal-familja. Dik hi l-ekonomija t-tajba – għall-pajjiż kollu u għal bwiet tagħna.