Lokali

PN: Il-Gvern jibqa’ jaħbi lil “weak link” tiegħu, Edward Scicluna

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qed jistaqsi jekk il-“weak link” ta’ dan il-Gvern, jiġifieri l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, tpoġġiex taħt xi forma ta’ “media ban” mill-Gvern Laburista li hu stess jifforma parti minnu. Għat-tieni darba fi ftit jiem, illum il-Gvern Laburista reġa’ għażel li jaħbi lil Edward Scicluna wara artiklu fit-Times of Malta, minflok ma ħallieh iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar id-dejn ta’ kważi 400 miljun ewro li sar mill-Gvern Laburista fl-2013.
Ġimgħa wara l-pubblikazzjoni ta’ din iċ-ċifra, li tikxef l-inkompetenza tal-Ministru Scicluna u l-Gvern Laburista fit-tmexxija tal-finanzi ta’ pajjiżna, fl-artiklu tiegħu tal-lum Edward Scicluna ma weġibx dwar kif irnexxielu joħloq kwazi 400 miljun ewro f’dejn u ta verżjoni kompletament differenti minn dik li ta l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li bid-difiża li għamel hu stess illum, Edward Scicluna qed jikkonferma u jammetti li d-dejn fl-2013 kien ta’ kważi 400 miljun ewro.
Filwaqt li l-Prim Ministru pprova jwaħħal fl-amministrazzjoni preċedenti, Scicluna issa qed iwaħħal fl-Unjoni Ewropea għal 400 miljun ewro dejn li ġie reġistrat fl-2013.
Il-Partit Nazzjonalista jiddeplora l-attitudni arroganti u dispreġjativa tal-istess Ministru, li biex jiddefendi ruħu mid-domandi leġittimi li qed isirulu, jinfexx jattakka lill-Oppożizzjoni u jinsulta l-intelliġenza tal-poplu Malti.
Qabel ma jinfexx jgħajjar lill-Oppożizzjoni, ikun tajjeb li l-Ministru tal-Finanzi jiċċara dawn il-fatti mal-Prim Ministru stess. Din tista’ tkun opportunità tajba għal Edward Scicluna, biex juri li hu mhuwiex il-“weak link” ta’ dan il-Gvern, hekk kif kien ġie deskritt minn gazzetta lokali ftit tal-ġimgħat ilu.