Qorti

Raġel mixi bi qtil offra pilloli biex ipartathom ma’ torċa jew xemgħat

Ismael Habesh, Libjan ta’ 42 sena mixli bil-qtil ta’ Simon Grech, kien offra pilloli bi tpartit ma’ torċa jew xemgħat.  Dan ħareġ waqt il-kumpilazzjoni li kienet qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Carol Peralta fejn, minbarra Habesh, qed jiġi akkużat ukoll Faical Mohouachi ta’ 46 sena.
Dawn qegħdin jiġu akkużati bil-qtil ta’ Simon Grech li kien seħħ fil-Marsa fit-13 t’April 2005. Ċertu Jason Galea xehed, fejn iddeskriva x-xena fi Trax Bar ġewwa l-Imsida fil-jum tal-qtil.
“Kont qed nixrob fil-ħanut tax-xorb flimkien ma’ oħti Dorianne u ħabib ieħor li jismu Stephen Brincat. Habesh, li nafu biss “di vista” peress li jkun fl-inħawi tad-Detox Centre, daħal fil-ħanut biex jixtri s-sigaretti: madankollu kellu madwar ħames ċenteżmi anqas u kienet oħti li ħarġithomlu,” qal ix-xhud.
Wara li xtara s-sigaretti, l-akkużat, li ġie deskritt li kien jidher konfuż u diżorjentat, talab torċa jew xi xemgħat.
“Huwa nsista li kellu bżonn id-dawl iżda qatt ma qal għaliex. Huwa offrielna wkoll xi pilloli.” Mistoqsi mill-uffiċjal Prosekutur Chris Pullicino, ix-xhud qal li ma kellux idea x’kienu dawn il-pilloli. Il-Libjan talab ukoll lit-tliet persuni jekk jistax jiltaqa’ magħhom l’għada u tenna li miegħu kien se jieħu lil ċerta Sione. Ix-xhud qal li kien qallu li kellu x’jagħmel, iżda oħtu tagħtu n-numru.
Ix-xhud qal li huma kienu jafu lil  Sione peress li kien ġar tagħhom. Wara Habesh telaq mill-ħanut bil-mixi, minkejja li x-xhieda ma setgħux jaħilfu jekk kellux xi karozza fl-inħawi ta’ fejn kienu.