Il-Prim Ministru Joseph Muscat ilu għal dawn l-aħħar jiem jinki lin-nies dwar tħabbira ta’ good news. Wara stennija, illejla sirna nafu li din il-good news se titħabbar għada, tenna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.
Bħas-soltu, Joseph Muscat qed jinsa li hu l-Prim Ministru u qed jaħseb biss kif se jirbaħ il-voti lejlet elezzjoni. Tmexxija għaqlija u ġusta titlob ħafna aktar serjetà minn dik li qiegħed juri Joseph Muscat bħala Prim Ministru.
Fuq kollox, tal-qalba ilhom li ħadu l-good news mingħand il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat, fosthom is-sieħba fin-negozju ta’ mart il-Prim Ministru li ngħatat job fi New York b’paga ta’ €60,000 fis-sena u mart il-Ministru Konrad Mizzi li ngħatat job fiċ-Ċina b’paga ta’ €13,000 fix-xahar.
Anke l-Prim Ministru stess ilu li ħa aħbar tajba bil-kiri tal-karozza tiegħu lilu nniffsu bi spiża ta’ €70,000 mit-taxxi li jħallas il-poplu.
Tal-qalba ngħataw ukoll jobs mal-Gvern li se jiswew miljuni ta’ Ewro fuq medda ta’ ħames snin.
Dan mhux mod serju kif għandu jitmexxa pajjiżna. Malta Tagħna Lkoll saret Malta għal tal-qalba biss.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern Laburista jieqaf jinki lin-nies u jibda jiggverna fl-aqwa interess ta’ kulħadd mhux għal tal-qalba biss, temmet tgħid l-istqarrija.