Fil-Malti għandna l-espressjoni li dak li hu iswed fuq l-abjad ma jmerieh ħadd. Iżda għandna wkoll l-espressjoni li dejjem issib xi fula f’qargħa. Żewġ idjomi Maltin li japplikaw b’mod perfett għal mod kif il-Gvern qed jittratta ż-żieda fil-qgħad f’pajjiżna.
L-aħħar statistika tal-NSO turi iswed fuq l-abjad li f’sena, dawk li qed ifittxu x-xogħol f’pajjiżna, żdiedu bi 300. Żieda ta’ 4%. Għal total ta’ 7,650.
Iżda l-Ministru Edward Zammit Lewis qed jagħżel li jmeri s-sewwa magħruf. F’kummenti lil dan is-sit, qal li ma jaqbilx ma’ din l-interpretazzjoni tal-istatistika. U dan minkejja li l-istatistika hija waħda uffiċjali.
Edward Zammit Lewis mar iktar minn hekk u qal li l-qgħad żdied, għax fil-verita’ imbagħad ammetta li żdied, għax l-ekonomija sejra tajjeb.
Hu qal li, f’ekonomija li tiffunzjoni, f’ekonomija li taħdem, hemm aktar nies inkluż nisa li huma interessati li jaħdmu aktar. Skont Zammit Lewis, li qed jiġri biss hu li aktar nies li qabel ma ħadmux, iridu joħorġu fid-dinja tax-xogħol.
Skont l-istatistika tal-NSO, il-qgħad ilu jiżdied xahar wara l-ieħor kważi għal din l-aħħar sena u issa qed iqarreb it-8,000.