Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttitl appella biex ikun hemm iktar konsultazzjoni min-naħa tal-Gvern mal-imsieħba soċjali dwar il-mod kif il-pajjiż jista’ jkompli joħloq iktar impjiegi u jkattar is-setturi li żviluppaw fl-aħħar 25 sena.
Dan l-appell il-Kap tal-Oppożizzjoni għamlu meta indirizza konferenza organizzata mill-FORUM tal-Unions Maltin fil-bini tal-MUT fil-Belt. Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Joseph Muscat, miċ-Chairman tal-AD Arnold Cassola u mill-President tal-FORUM Paul Pace.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-UE fetħet orizzonti kbar u opportunitajiet pożittivi ta’ xogħol għall-ħaddiema Maltin kemm f’Malta kif ukoll barra l-pajjiż. Filwaqt li sostna li l-ħaddiem għandu jibqa’ ċ-ċentru ta’ kull politika li toħloq ix-xogħol, Simon Busuttil qal li l-aħħar 10 snin urew li Malta hi kapaċi toħloq ix-xogħol u l-opportunitajiet. L-aħħar 25 sena kienu xhieda ta’ kemm il-pajjiz kien kapaċi jbiddel l-ekonomija tiegħu u minn waħda magħluqa jagħmilha waħda miftuħa.
Il-Kap tal-PN semma kif il-politika b’viżjoni li twettqet fl-aħħar snin wasslet biex il-pajjiż attira lejh investiment barranin li wassal biex infetħu diversi setturi ġodda fosthom dawk tal-farmaċewtika, it-teknoloġija tal-informatika, is-servizzi finanzjarji, il-gaming u t-turiżmu speċjalizzat.
Simon Busuttil semma r-rwol tal-imsieħba soċjali fl-iżvilupp tal-pajjiż u appella biex ikun hemm iktar politika ta’ konsenus u konsultazzjoni mill-gvern qabel jiddaħħlu ċertu miżuri. Bħala eżempju għal dan in-nuqqas, Simon Busuttil semma l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza u dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u djalogu dwar pjan għall-ħolqien tax-xogħol.
Filwaqt li spjega kif il-qgħad issa laħaq kważi 8,000 persuna, il-Kap tal-PN qal li kien hemm żieda ta’ 4% fil-persuni ta’ iktar minn 45 sena bla xogħol, żieda ta’ 22% fil-persuni li ilhom jirreġistraw iktar minn sena u 1,200 żagħżugħ u żagħżugħa li m’huma inklużi fl-ebda statistika u ma jagħmlu xejn. Simon Busuttil tkellem ukoll fuq l-importanza tar-rispett reċiproku u t-titjib fir-relazzjonijiet industrijali u qal li fis-saħħa u fl-edukazzjoni qed jitttieħdu deċiżjonijiet bla konsultazzjoni. Dan mhux aċċettabbli, sostna Simon Busuttil, li kompla li anki l-liġi dwar ix-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali għandha tkun aġġornata.
Simon Busutitl saħaq fuq l-importanza li jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u espriema approvazzjoni għad-deċiżjoni li ċ-Child Care Centre ikomplu jissaħħu billi jiġu offrutti b’xejn. Dwar ix-xogħol prekarju, il-Kap tal-PN qal li l-Gvern Nazzjonalista kien daħħal 35 miżura kontra x-xogħol prekarju. Simon Busuttil saħaq ukoll fuq l-importanza li jkun hemm titjib fid-drrittijiet u kundizzjonijiet tal-ħaddiema u li jkun hemm sostenn u tal-inizjattivi ta’ taħriġ għall-ħaddiem permezz ta’ fondi tal-UE.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar ir-rabta li teżisti bejn ix-xoggħol u l-edukazzjoni u qal li hu negattiv li hemm 300 studenti li wara s-sekondarja ma japplikawx biex jagħmlu l-eżamijiet. Jirriżulta wkoll li hemm 2,000 student li wara s-sekondarja qed imorru fuq benefiċċji soċjali bla futur ta’ impjieg.
Il-Gvern, sostna l-Prim Ministru hu mpenjat li jintroduċi iktar skemi biex dawn iż-żgħażagħ ma jintilfux. Il-Jobs Plus hu l-aqwa programm biex jinħoloq ix-xogħol, sostna Joseph Muscat li kompla li fl-aħħar sena inħolqu disa’ impjiegi għal kull persuna li tirreġistra. Filwaqt li sejjaħ il-ħolqien ta’ 5,000 impjieg bħala wieħed pożittiv, il-Prim Ministru qal li l-Gvern waqqaf ix-xogħol prekarju fl-ARMS. Wara dan issa se jittieħdu miżuri biex jitwaqqaf ix-xogħol prekarju fis-settur tal-cleaners fis-settur tas-saħħa. Il-Prim Ministru semma r-riforma fil-MEPA u qal li l-Gvern hu mpenjat li janqqas il-burokrazija iżda qed jiġi kkritikat li qed ixaqleb lejn l-ispekulaturi.
Joseph Muscat appella lill-unions Maltitn biex jingħaqdu flimkien u jifformaw il-Kunsill tal-Unions (TUC).
Iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola semma diversi setturi li huma milquta mix-xogħol prekarju u magħhom tkellem ukoll dwar l-allowance li jieħdu l-persuni b’diżabilità u l-anzjani li jieħdu 600 ewro fix-xahar.
Hu qal li dawn huma ċirkostanzi diffiċli u kkummenta li dawn il-kategoriji jimmerithom ħafna iktar minn tnaqqis ta’ ċenteżmi fuq il-petrol u fuq il-gass. Iċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika qal li l-gvern hu obbligat jieħu l-azzjonijiet meħtieġa u mhux jagħti jobs lid-deputati tiegħu. Filwaqt li qal li kienu l-Greens li ħarġu bil-proposta tal-garanzija għaż-żgħażagħ, Arnold Cassola kkritika lill-gvern għall-fatt li s’issa l-garanzija għaż-żgħażagħ hi biss ħlas għall-privat u mhux proċess lejn taħriġ u integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol għaż-żgħażagħ.
//= $special ?>

