Editorjal

Editorjal: Ċelebrazzjoni xierqa f’Misraħ il-Palazz illejla

Illejla għandna tassew għax niċċelebraw. Niffesteġġjaw wieħed mill-anniversarji tondi li qed infakkru dis-sena u li huma kisbiet kbar tal-Partit Nazzjonalista għall-pajjiż u għal kull wieħed u waħda minna – is-sovranità u l-Ewropa. Illejla niċċelebraw li, bil-gwida tal-Partit Nazzjonalista, għaxar snin ilu dħalna fl-Unjoni Ewropea f’mixja li ġabet ġid, libertà u ftuħ għal kull Malti u Maltija.

Triq twila qabel stajna nidħlu fl-Unjoni Ewropea
Meta l-Partit Nazzjonalista mill-oppożizzjoni fl-1979 fassal triq Ewropea għal Malta, il-Partit Laburista kien iddieħaq bih. U l-Partit Nazzjonalista fil-gvern mill-1987, qabel seta’ jirnexxi fl-ambizzjoni tiegħu għal Malta, kellu jsewwi l-ħsara kbira li l-Labour għamel lid-demokrazija, lil-libertà, lill-ambjent, lill-ekonomija, lill-edukazzjoni – kollha meħtieġa biex nissieħbu.

Xkiel ta’ propoganda kbira minn min iddieħaq bl-idea tas-sħubija
U kellu wkoll iħabbatha ma’ ħafna propoganda mill-aktar negattiva tal-Labour immexxija minn tnejn min-nies, Joseph Muscat u Alfred Sant, li t-tnejn li huma marru għas-siġġu li ħadmu tant biex la huma u lanqas ebda Malti qatt ma jkollu.

Muscat u Sant marru għas-siġġu li tant ħadmu biex l-ebda Malti qatt ma jkollu
Tnejn min-nies li jippersonifikaw kemm kien żbaljat il-Labour fl-akbar deċiżjoni li aħna l-Maltin ħadna f’ħamsin sena ta’ sovranità. Politikanti li jilagħbu bil-marketing u l-propoganda, imma li allaħares il-maġġoranza tal-Maltin semgħet minnhom.

Tliet-kwarti tal-Maltin jagħtu raġun lill-Partit Nazzjonalista
Kemm għandu raġun il-Partit Nazzjonalista fuq l-Ewropa jgħiduh in-nies. Stħarriġiet tal-fehma pubblika juru li tliet-kwarti jaqblu ma’ dak li qal il-Partit Nazzjonalista għal snin sħaħ u jistqarru li Malta mxiet ‘il quddiem bis-sħubija; 15% biss jaqblu ma’ dak li qalu Joseph Muscat u Alfred Sant li Malta kienet se tmur lura fl-Ewropa.

Il-ġid indiskuss tas-sħubija fl-oqsma kollha
Illum nafu x’opportunitajiet fetħet għalina lkoll l-Unjoni Ewropea f’edukazzjoni u taħriġ aħjar għaż-żgħażagħ; xogħol aħjar għall-ħaddiema grazzi għal investiment aqwa; kummerċ aħjar għall-konsumaturi bis-sħubija u bl-ewro wkoll; ftuħ u opportunitajiet fl-oqsma soċjali, tal-volontarjat u kulturali; proġetti, toroq, infrastruttura u ambjent aħjar għalina u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

Għalhekk xierqa ċ-ċelebrazzjoni ta’ min ħadem għas-sħubija
U għalhekk aħna li vvutajna fir-referendum u fl-elezzjoni tal-2003 għas-sħubija, u dawk li kienu jivvutaw hekk kieku kellhom il-vot, ħaqqna niċċelebraw illejla bi stqarrija politika wkoll f’Misraħ il-Palazz, il-Belt, fis-7pm, kburin li wassalna biex ħutna Maltin igawdu lkoll dal-ġid li ma jista’ jiċħdu ħadd. U ħaqqu stqarrija politika wkoll min qatt ma wera ndiema li ġiegħel tant Maltin jivvutaw kontra s-sħubija. U lil dawn il-Maltin ħutna nistednuhom ukoll jingħaqdu magħna biex jiċċelebraw il-ġid li ksibna flimkien bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista.