Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Illejla l-PN ifakkar Malta aħjar fl-Ewropa, 10 snin wara s-sħubija, fil-Belt

Illejla Malta tiċċelebra l-10 anniversarju tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Kien proprju f’12am ta’ bejn it-30 ta’ April u l-1 ta’ Mejju li Malta, flimkien ma’ disa’ pajjiżi oħra, saru uffiċjalment Stati Membri tal-UE b’ċerimonja li kienet saret fl-Irlanda. Dan wara li, sena qabel, il-poplu Malti vvota bi ħġaru favur is-sħubija f’Referendum li fih 54% tal-Maltin qalu IVA.

Dan ir-riżultat kien konfermat f’elezzjoni ġenerali li saret xahar wara, meta l-Maltin ikkonfermaw lill-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija ta’ pajjiżna, bil-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami jmur jiffirma t-Trattat tas-Sħubija f’Ateni. B’dan il-ħames u l-akbar tkabbir fl-istorja tagħha bid-dħul ta’ 10 pajjiżi f’daqqa, l-UE kienet kibret għal 25. Minn dakinhar ‘l hawn l-Istati Membri saru 28 wara s-sħubija tar-Rumanija u l-Bulgarija fl-2007 u tal-Kroazja fl-2013.

Biex ifakkar dan l-anniversarju speċjali, il-PN illejla se jorganizza attività speċjali f’Misraħ San Ġorġ fil-Belt. Din l-attività tal-massa, bit-tema “Malta Aħjar fl-Ewropa”, hi l-attività prinċipali tal-kampanja elettorali tal-PN għal din il-ġimgħa. Għada, imbagħad, il-kampanja elettorali tkompli bil-Maratona Ġbir ta’ Fondi fid-Dar Ċentrali minn 12pm ‘il quddiem.

L-attività tal-lejla fil-Belt tibda fis-7pm u l-folla f’Misraħ San Ġorġ se tiġi indirizzata mill-Kap tal-PN Simon Busuttil. Qablu se jagħmlu diskorsi wkoll iż-żewġ Viċi Kapijiet tal-PN Mario de Marco u Beppe Fenech Adami, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Chris Said. Aktar tard illejla, imbagħad, jilħaq il-qofol tiegħu wkoll il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar bi spettaklu fil-Port il-Kbir, hekk kif anke dan il-Festival din is-sena hu edizzjoni speċjali għax qed jiċċelebra l-10 snin ta’ Malta fl-UE.

U hekk kif il-poplu Malti qed jiċċelebra dan l-anniversarju speċjali, wara l-attività tal-lejla u l-Maratona ta’ għada, l-attivitajiet ikomplu l-Ġimgħa, 2 ta’ Mejju, meta bħala mistieden speċjali tal-PN se jkun hawn f’Malta l-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean Claude Juncker, li hu l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.

Juncker qed iżur diversi Stati Membri tal-UE u se jżur pajjiżna bħala parti mill-programm ta’ żjarat li qed jagħmel fil-kampanja tiegħu għal din il-kariga. Kemm idum Malta, Juncker se jkollu taħdidiet mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil, kif ukoll se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet konġunta mat-tmexxija tal-PN. Il-Ġimgħa filgħaxija hu mistenni jindirizza wkoll l-attività politika tal-kampanja elettorali tal-PN.

Jean Claude Juncker hu meqjus bħala ħabib kbir ta’ Malta u tal-PN u ta kontribut qawwi biex Malta tissieħħeb fl-UE. Hu ħadem ħafna wkoll biex Malta tikseb l-aħjar pakkett possibbli fin-negozjati tas-Sħubija.