CHELSEA……………………..1
A. MADRID……………………3
Il-finali taċ-Champions League tal-24 ta’ Mejju fil-grawnd ta’ Benfica f’Lisbona se tkun ikkontestata bejn żewġ klabbs Spanjoli minn Madrid. Dan wara li Atletico Madrid eliminaw lil Chelsea meta fit-tieni leg fi Stamford Bridge għelbuhom 3-1 wara li fl-ewwel leg fi Spanja kienu ġew draw 0-0. Atletico issa jilagħbu kontra Real Madrid li jum qabel kienu eliminaw lill-holders Bayern Munich.
Il-kowċ ta’ Chelsea Jose Mourinho ħareġ jilgħab b’sitt difensuri. John Terry irkupra mill-injury li sofra fl-ewwel leg imma l-goalkeeper Cech ma irkuprax. Frank Lampard u Obi Mikel kienu sospiżi.
Fl-ewwel minuti Atletico Madrid laqtu l-lasta minn cross-shot ta’ Koke u fit-36 minuta Chelsea marru fil-vantaġġ meta Willian beda azzjoni mill-ġenb fejn b’finta mill-aqwa qabeż żewġ difensuri għadda lejn Azpilicueta u dan tal-aħħar tefa’ cross fil-baxx li sab lil Fernando TORRES li spara xutt li kien devjat minn Suarez u li qarraq bil-goalkeeper Courtois għal skor ta’ 1-0. L-attakkant Spanjol ma iċċelebrax kontra l-eks tim tiegħu. Tmien minuti wara dan il-gowl Atletico Madrid ġabu d-draw meta approfittaw minn raqda fid-difiża tal-Blues. Tiago tefa’ cross li deher li kien sejjer barra imma Juanfran laħaq il-ballun u qassam lejn in-nofs biex sab lil Adrian LOPEZ li żmarkat fil-kaxxa għeleb lil Schwarzer.
Mas-siegħa logħob Atletico prattikament qatgħu passaġġ għall-finali meta r-referee Rizzoli ordna penalty meta Eto’o waqqa` lil Diego COSTA fil-kaxxa u l-istess Costa, mill-11-il metru ma żbaljax biex għamel l-iskor 2-1. Fit-72 minuta Arda TURAN issiġilla l-partita meta skurja t-tielet gowl għat-tim ta’ Diego Simeone.
L-aħħar darba li finali taċ-Champions League kienet bejn żewġ klabbs Spanjoli kien fl-istaġun 1999-2000 meta dakinhar Real Madrid għelbu lil Valencia 3-0. Staġun ilu l-finali wkoll kienet ikkontestata bejn żewġ klabbs mill-istess pajjiż. Bayern Munich kienu għelbu lil Borussia Dortmund 2-1.
//= $special ?>