Il-President Ukren Olexander Turchynov ammetta li l-forzi tas-sigurtà ma jistgħu jagħmlu xejn biex irażżnu l-inkwiet li hemm fil-Lvant tal-Ukrajna minn attivisti qrib ir-Russja, b’mod partikulari f’Donetsk u Luhansk.
Quddiem sitwazzjoni simili, Turchynov qal li issa l-ħidma hi biex dan l-inkwiet ma jkomplix jinfirex, l-iktar fl-inħawi ta’ Kharkiv u Odessa.
Il-militanti ħadu l-kontroll ta’ ħafna binjiet tal-Gvern fil-Lvant tal-Ukrajna u ħadu diversi ostaġġi, fosthom osservaturi mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).
Il-President Ukren qal ukoll li l-forzi tas-sigurtà fil-pajjiż kienu fuq l-alert massimu fost tħassib li minn ħin għal ieħor ir-Russja tista’ tagħti bidu għall-invażjoni tal-pajjiż. Hu qal dan waqt laqgħa mal-Gvernatur Ukren.
Hu qal li minbarra li l-forzi tas-sigurtà li kellhom jipproteġu liċ-ċittadini ma setgħux jagħmlu dan, kien hemm xi wħud minnhom li kienu qed jikkooperaw jew jgħinu lill-militanti.
Hu qal li kien hemm eluf kbar ta’ suldati Russi stazzjonati tul il-fruntiera Ukrena u minn ħin għal ieħor setgħu jaqsmu l-fruntiera.
Ir-Russja, li f’April ħadet ir-reġjun tal-Krimea mill-Ukrajna, qed tinsisti li mhix se tinvadi lill-Ukrajna imma kienet lesta tipproteġi l-interessi Russi fil-pajjiż. Fil-Lvant tal-Ukrajna hemm parti kbira tal-popolazzjoni li titkellem bir-Russu.
Dan kollu qed iseħħ hekk kif il-pajjiż fi ftit ġimgħat oħra se jkollu elezzjoni ġenerali u f’Donestk, il-militanti qed jippjanaw referendum dwar jekk jingħaqdux mar-Russja fil-11 ta’ Mejju.
//= $special ?>

