Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Filmat: Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa jappella mal-MEPA biex il-Freeport ma jwettaqx xogħol ta’ tiswija ta’ vapuri

Il-Kunsill Lokali Laburista ta’ Birżebbuġa ressaq appell quddiem it-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar tal-MEPA biex jiġi revokat il-permess ambjentali li ħarġet l-Awtorità aktar kmieni dan ix-xahar u li permezz tieghu, il-Freeport issa se jkun jista’ jwettaq xogħol ta’ tiswija ta’ vapuri u rigs taż-żejt. Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-MEPA, is-Sindku Laburista ta’ Birżebbuġa Joseph Farrugia qal li hu inaċċettabbli għar-residenti li l-Freeport jibda jintuża’ bħala tarzna.

L-Appell tressaq minn Carmel Cacopardo fil-kapaċità professjonali tiegħu bħala Perit. Cacopardo qal li din l-attività tqajjem ukoll riskji għas-sigurtà minħabba l-użu ta’ nar mikxuf 500 metru biss ‘il bogħod mit-tanker tal-ħażna tal-gass li se jintuża’ għall-Power Station il-ġdida. Madankollu, minkejja li l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ħass il-ħtieġa li jappella mid-deċiżjoni tal-MEPA dwar id-deċiżjoni li fil-Freeport ikun jista’ jsir xogħol ta’ tiswija ta’ vapuri, mhux l-istess għamel għall-permess maħruġ mill-MEPA biex ikun hemm tanker tal-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Iżda minkejja li dan il-proġett jolqot mill-qrib lir-residenti ta’ Birżebbuġa, is-Sindku qal li ma ħassx il-ħtieġa li jressaq appell quddiem il-MEPA dwar il-proġett tat-tanker. Qal li l-Kunsill Lokali ħass li l-vapur tal-gass mhux se jkun fiż-żona ta’ Birżebbuġa, iżda ta’ Marsaxlokk. Għalhekk, jemmen li aktar għandu joġġezzjona s-Sindku ta’ Marsaxlokk milli hu. Iżda meta mistoqsi minn MaltaRightNow.com jekk ir-residenti ta’ Birżebbuġa hux se jintlaqtu wkoll mill-proġett tat-tanker, is-Sindku ta’ Birżebbuġa ammetta li hemm min qed igerger dwar dan il-proġett.

F’Marzu li għadda, is-Sindku ta’ Birżebbuġa kien qal li għadu ma ddiskutiex dan il-proġett biex jindirizza dak li hu stess iddeskriva bħala “tgergir” tan-nies. Iżda issa, mid-dehra l-folja nqalbet u l-Kunsill Lokali ddiskuta l-proġett, bid-deċiżjoni tkun li l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa jaħsel idejh minn din il-kwistjoni.