Wara l-istennija kollha, waslet l-“aħbar tajba” li tant ilu jwiegħed il-Prim Ministru Muscat. Kuntrarju għal dak li għamel meta ħabbar ir-Reshuffle fil-Kabinett, Muscat dalgħodu sejjaħ lill-ġurnalisti kollha f’Kastilja għall-konferenza tal-aħbarijiet urġenti li kien ilu jitkellem dwarha ġranet sħaħ. Il-bitħa ta’ Kastilja mtliet b’ħafna ġurnalisti, li stennew li l-Prim Ministru kien se jagħti xi aħbar kbira, bħal pereżempju dwar il-futur tal-Air Malta.
Iżda kif jgħid il-Latin, il-muntanji ħoblu u welldu ġurdien tal-imramma. Għax il-“good news” li tant ilna nisimgħu dwarha ma kienet xejn ħlief tħabbira ta’ roħs ta’ 2ċ fil-prezz tal-petrol unleaded, filwaqt li l-prezz tad-diesel se jibqa’ l-istess. Ħabbar ukoll li se jorħos il-prezz taċ-ċilindru tal-gass b’€1.30. Dawn il-prezzijiet se jkunu fissi, sa tmiem Settembru fil-każ tal-gass u sal-aħħar tas-sena fil-kaz tal-fuels.
Il-mod kif ingħatat l-aħbar u l-istennija li ħoloq għaliha l-Gvern, kważi kważi kien aktar importanti mill-aħbar innifisha. Dawk li kienu qed jistennew, wara l-aspettattiva kollha li għolla l-Gvern, li Muscat kien se jħabbar xi proġett b’investiment kbir li se joħloq ħafna impjiegi, għarralhom sew. Tħabbira bħal din issoltu ssir b’sempliċi stqarrija tal-Enemalta fi tmiem kull xahar, anke għax illum hemm mekkaniżmu li jirregola l-prezzijiet ta’ dawn is-servizzi essenzjali. Iżda dan ifisser li issa l-Gvern iffissa l-prezzijiet u jekk il-prezz minn barra jinżel fix-xhur li ġejjin, f’Malta se jkollna prezzijiet ogħla.
Aktar minn hekk, l-aħħar bidla li tħabbret fil-prezz tal-petrol b’dan il-mekkaniżmu, li daħlet fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ April, kienet żieda ta’ 2ċ għal €1.46 kull litru. Issa, il-Prim Ministru ħabbar li l-prezz reġa’ roħos lura b’2ċ għal €1.44, kif kien f’Marzu. Fl-1 ta’ April, il-prezz tad-diesel kien baqa’ l-istess, fil-livell ta’ €1.36 kull litru, kif se jibqa’ għax-xhur li ġejjin. Il-prezz tal-gass issa se jkun ta’ €17.10 u se jibqa’ hekk għal ħames xhur. Probabbilment, minkejja li l-prezz tiegħu issa ġie ffissat sa Settembru, il-gass l-anqas li jintuża’ jkun f’dan il-perjodu għax deħlin ix-xhur sħan tas-sajf.
Meta l-Partit Laburista, f’Jannar 2011, niżżel lin-nies fit-toroq bi protesta kontra l-għoli fil-prezzijiet tal-fuels, il-prezz ta’ litru petrol kien 13ċ orħos minn kif tħabbar illum mill-Prim Ministru, filwaqt li d-diesel kien 15ċ anqas. Din l-“aħbar tajba” tħabbret b’pompa kbira f’konferenza tal-aħbarijiet, li maġenbu l-Prim Ministru kellu wkoll lill-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi. Madankollu, Mizzi fl-ebda ħin ma tkellem dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Enemalta jew dwar l-impjieg li ngħatat il-mara tiegħu mill-Gvern, li għalih qed taqla’ €13,000 fix-xahar.
Fil-jiem li għaddew kien hawn min ħaseb, anke għax meta mistoqsi mill-ġurnalisti Muscat hekk implika, li din l-“aħbar tajba” setgħet tkun marbuta ma’ xi investiment li rnexxielha tattira lejn pajjiżna l-mara tal-Ministru Mizzi. Iżda dan ma kienx il-każ.
Stqarrija mill-PN:
Lura għall-Gvern tat-tonn taż-żejt
Wara ġimgħa jinki lill-media u lill-pubbliku, filwaqt li jżomm lill-pajjiż fuq ix-xwiek dwar aħbar “kbira”, il-Prim Ministru Muscat dalgħodu ħabbar b’ħafna daqq tat-trombi dak li sa xahar ilu kien jitħabbar bi stqarrija sempliċi maħruġa mill-Enemalta: bidliet marġinali fil-prezzijiet tal-fjuwil.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat qed iraħħas dak li għolla hu stess. Raħħas il-petrol bla ċomb b’2ċ wara li hu stess kien żied il-prezz fl-1 ta’ April li għadda. Iżda issa li naqqas dak li żied hu stess xahar ilu, għamel ġimgħa jinki lin-nies daqslikieku kienet ġejja l-manna mis-sema. L-istess japplika għall-prezz taċ-ċilindri tal-gass ta’ 12kg, li f’Diċembru 2013 żdiedu b’rata kbira biex illum reġgħu traħħsu għax ġejja l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Muscat mar lura għal dak li kienu jagħmlu Gvernijiet Laburisti fil-passat, li kienu jagħmlu plejtu meta jraħħsu t-tonn taż-żejt. Dan mhux mod kif jitmexxa l-pajjiż u dan mhux mod kif jiġi trattat il-poplu għax Malta jixirqilha aħjar, sostna l-PN.
Prezz tad-diesel
Joseph Muscat żamm id-diesel bl-istess prezz kif kien. Dan ifisser li l-industrija, in-negozji u s-self employed, li huma l-aktar li jużaw id-diesel għall-vetturi u l-inġenji, ma ggwadanjaw xejn mill-“good news” ta’ Muscat. Il-PN fakkar kif dawn issa jafu li għandhom sal-aħħar tas-sena bil-prezz tad-diesel marbut.
Raħħas dak li għolla hu stess u jridek tgħidlu grazzi
Il-Prim Ministru qed jistenna li l-poplu Malti u Għawdxi jikkuntenta ruħu bi traħħis ta’ dak li għolla xahar ilu, filwaqt li l-ħbieb tal-qalba qed ikomplu jiffangaw u jingħataw kuntratti li jlaħħqu l-miljuni ta’ ewro f’ħames snin.
Il-PN qal li l-Ministru Konrad Mizzi, li kien preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum, hu ewlieni fost dawk li ilhom li ħadu l-“good news” mingħand il-Prim Ministru meta l-għada tal-elezzjoni li għaddiet, il-mara tiegħu akkwistat job mal-Gvern biex tisparixxi fiċ-Cina b’paga ta’ €13,000 fix-xahar.
Madankollu, fl-istess ħin, hemm 8,000 persuna li għadhom bla xogħol minkejja l-wegħdiet li saru minn dan il-Gvern qabel l-elezzjoni li għaddiet, ittemm tgħid l-istqarrija.
U fi żviluppi oħra wara li beda jidher evidenti li ħafna kienu delużi bl-‘aħbar kbira’ ta’ Joseph Muscat, bdew isiru tentattivi biex tittaffa ftit mill-pompa li biha kien imħabbar dan it-tnaqqis fil-prezz tal-petrol.
Wara li s-sit tal-GWU inews tella’ storja li kien il-Prim Ministru li ħabbar dan ir-roħs, ftit wara l-istorja nbidlet biex tagħti x’tifhem li kien il-Ministru Konrad Mizzi li ħabbar kollox. Anke r-ritratt magħżul jagħti juri lil Ministru Konrad Mizzi jitkellem u lill-Prim Ministru ħdejh jisma’.
Mhux biss, minkejja li l-istorja kienet miftuħa għall-kummenti l-amministratur ta’ dan is-sit għażel li ma jtella’ l-ebda kumment kuntrarju għal dak li jiġri fi stejjer oħra.
U nħallu hemmhekk dik l-istorja li llum iddominat il-ġurnata, għalkemm se nerġgħu nitkellmu dwarha aktar tard u ngħaddu issa biex niffukaw fuq il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>