Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Il-PN jibqa’ jemmen f’politika li tinċentiva lis-settur privat

Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’politika li tinċentiva lis-settur privat. Hekk stqarr il-Kap tal-PN Simon Busuttil waqt żjara li għamel ghand id-ditta ta’ awdituri PriceWaterhoseCoopers, hekk kif din il-ġimgħa, il-PN qed ikompli jiffoka l-messaġġ tiegħu dwar ix-xogħol u l-importanza li jinħolqu setturi ekonomiċi ġodda.

Wara li ddawwar mal-ħaddiema mis-Senior Partner Kevin Valencia, il-Kap tal-PN tenna li l-politika li jemmen fiha hi waħda ċara, jiġifieri politika li tneħħi kull ostaklu għan-negozju u li tinċentiva jobs ġodda mas-settur privat.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono u l-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton u Jonathan Shaw. Ma naqasx li l-Kap tal-Oppożizzjoni jtenni l-proposti konkreti li għamel din il-ġimgħa l-PN dwar il-ħolqien tax-xogħol, l-ekonomija kreattiva u d-digital games, li għandu jkun wieħed mis-setturi ġodda għas-snin li ġejjin.

Matul din iż-żjara, Simon Busuttil fakkar ukoll li din id-ditta u kumpaniji oħrajn bħalha huma fost l-aktar li gawdew fl-aħħar 10 snin minn mindu pajjiżna ssieħeb fl-UE.