Qorti

Il-Qorti għadha trid tiddeċiedi jekk l-akkużat bil-krudeltà fuq l-annimali kienx mentalment f’siktu

Nicholas Grech, li qed jiġi mixli bi krudeltà fuq l-annimali, eperjenza l-istess problemi li kellu qabel. Dan fid-dawl ta’ każ ieħor li kellu quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera. Minkejja li kien jaf id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, meta ġie biex jiżen il-komportament ta’ għemilu, għażel li jagħmel dak li għamel biex itella’ l-moral tiegħu. Sadanittant, fi żmien meta allegatament wettaq dan ir-reat, il-Psikjatra qal li l-akkużat ma kienx qed jieħu l-mediċini.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Espert Psikjatriku mqabbad mill-Qorti George Debono quddiem il-Maġistrat Carol Peralta. Nicholas Grech, ta’ 37 sena mill-Mosta, qed jiġi mixli bi krudeltà fuq l-annimali billi wettaq atti makabri f’dawn l-aħħar sentejn u nofs fil-Mosta. Hu għadu miżmum taħt arrest preventiv, anke jekk l-istess Qorti kienet ordnat biex jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli. Il-Qorti qalet li issa trid tiddeċiedi jekk Grech hux f’pożizzjoni li jgħaddi kumpilazzjoni jew le. Din id-deċiżjoni mistennija tittieħed fil-ġimgħat li ġejjin, x’aktarx fid-29 ta’ Mejju li ġej.

Grech, li hu Inġinier mal-Korporazzjoni Enemalta u li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, qed jiġi mixli b’moħqrija ta’ annimali, bi qtil ta’ annimali domestiċi, li għamel vjolazzjoni ta’ oqbra, li kasbar ir-reliġjon kattolika u li daħal fil-Knisja tal-Mosta jew fil-Grotta tal-Kappella tal-Isperanza. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Edmond Curmi u Joseph Busuttil.

Il-każ hu dwar serje ta’ qtil ta’ annimali, l-aktar qtates, li kienu qed jinstabu msallbin f’diversi nħawi differenti tal-Mosta. 14-il annimal instab mejjet u msallab bejn Settembru 2011 u Marzu 2014. Meta r-raġel kien tressaq il-Qorti, fl-20 ta’ Marzu li għadda, il-Prosekuzzjoni u d-Difiża qalu li l-akkużat kien jinsab taħt trattament psikjatriku. Għalhekk, il-Qorti appuntat lill-Psikjatra George Debono biex janalizza l-istat mentali ta’ Grech u jagħmel rapport.

L-avukat Martin Fenech qed jidher għall-akkużat.