Messaġġ qawwi mill-UĦM dwar il-mod kif il-Gvern qed imexxi n-negozjati mal-ħaddiema f’diversi postijiet tax-xogħol. Tidher strateġija li fiha qed jerġgħu jinfetħu negozjati li jkunu ilhom li ġew konklużi.
F’konferenza fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem li jiġi ċċelebrat fl-1 ta’ Mejju, is-Segretarju Ġenerali tal-Union Josef Vella semma diversi kategoriji ta’ ħaddiema fosthom dawk li kienu xufiera mal-Arriva fejn qal li l-UĦM se titlob rikonoxximent.
U sostna li f’postijiet tax-xogħol oħra m’għandux ikun aċċettat li jibqgħu jingħataw kuntratti għal xahar jew tliet xhur. Għax dan jammonta għal prekarjat.
Anke dwar il-qasam tas-saħħa, qal li l-UĦM mhux se taċċetta li terġa’ tibda tinnegozja dak li ilu iktar minn sena maqbul. Il-UĦM, sostna Josef Vella, ma tridx tkun militanti iżda mhix lesta taċċetta li l-ħaddiema jkunu trattati ħażin u tibqa’ ma titteħidx azzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM tkellem ukoll dwar il-kwistjoni li nqalgħet fuq l-Avviż Legali li jagħti dritt lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex jiġbor l-informazzjoni sensittiva dwar it-tfal bl-iskuża tar-riċerka u għax qed jgħid li għandu bżonnha għall-Jobs Plus. Vella sostna fuq il-ħtieġa li d-dritt tat-tagħrif fuq il-persuna jiġi salvagwardjat u appella lill-Gvern biex ma jkomplix ikaxkar saqajh u jsejjaħ lill-Kap tal-Oppożizzjoni madwar il-mejda biex jiddiskuti miegħu u tinstab soluzzjoni.
U anke l-GWU fakkret Jum il-Ħaddiem billi kif tagħmel kull sena, l-uffiċjali tagħha poġġew fjuri mal-Monument tal-Ħaddiem fl-Imsida. Il-qofol tal-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali Tony Zarb kien kontra l-qgħad.
Mistoqsi kif jikkumenta dwar il-fatt li l-qgħad qed iqarreb it-8,000, Tony Zarb qal li hu minnu li l-qgħad żdied iżda l-ekonomija qed toħloq l-impjiegi. Toni Zarb sostna li l-GWU hi preokkupata li numru kbir ta’ impjiegi li qed jinħolqu qed jittieħdu minn ħaddiema barranin. U nsista wkoll fuq l-importanza tat-taħriġ fost il-ħaddiema bla xogħol.
Mistoqsi dwar il-privatizzazzjoni tal-Enemalta u l-pożizzjoni tal-GWU li dejjem kienet kontra l-privatizzazzjoni ta’ entitajiet ewlenin tal-Gvern, Tony Zarb wieġeb li l-GWU mhix kontra privatizzazzjoni parzjali.
U għall-GWU, il-kundizzjonijiet li l-Gvern qed joffri lill-ħaddiema tal-Enemalta huma garanzija biżżejjed.
Sadanittant, f’attività separata, ukoll lejliet Jum il-Ħaddiem, l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Pawlu Cremona żar il-ħaddiema tal-Qorti fejn iċċelebra wkoll quddiesa għall-ħaddiema. Matul din iż-żjara l-ħaddiema kienu ppreżentati b’tifkira li saret bħala parti mill-kampanja li qed tniedi l-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol bit-tema Grazzi tax-Xogħol Tiegħek. Nhar il-Ġimgħa l-Arċisqof mistenni jżur ukoll lil dawk li jaħdmu fil-ħwienet fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, f’attività oħra għall-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem.
//= $special ?>

