Lokali

Il-UNHCR ittenni li kull immigrant għandu dritt għas-smigħ meta japplika għal ażil

Il-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) ittenni li l-Liġi Internazzjonali tgħid ċar u tond li meta immigrant ikun qed ifittex kenn f’pajjiż għandu d-dritt li l-ewwel ikollu smigħ għal dan id-dritt u wara tittieħed deċiżjoni jekk għandux ikun ripatrijat. Il-UNHCR kienet diġà tkellmet dwar dan fis-Sajf li għadda, meta Jospeh Muscat kien hedded bil-pushbacks, u tibqa’ ssostni dan anke llum.

Ir-rappreżentant tal-UNHCR Jon Hoisaeter qal li dak iż-żmien huma kienu għamlu l-pożizzjoni ċara u pubblikament dwar dak li din il-Kummissjoni temmen li għandu jkun l-impenn ta’ pajjiżna quddiem l-immigrazzjoni irregolari. Dan kuntrarju għall-politika li adotta Muscat meta fis-Sajf li għadda kien hedded bil-pushbacks iżda kien imwaqqaf milli jagħmel dan mill-Qorti Ewropea permezz tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Minkejja li f’Lulju li għadda, l-aħbar li l-Prim Ministru Muscat kien hedded bil-puschbacks kienet ingħatat prominenza kbira, dan il-fatt ma ssemma’ xejn waqt laqgħa li ġabet fi tmiemha diskussjoni mifruxa fuq tlett ijiem dwar l-immigrazzjoni irregolari f’Malta. Rappreżentanti tal-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) kienu l-mistiedna tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca għal dawn id-diskussjonijiet, li ffukaw fuq l-immigrazzjoni, partikolarment it-tfal mhux akkumpanjati u dawk mifruda mill-ġenituri tagħhom.

Għad-diskussjonijiet kienu preżenti wkoll rappreżentanti tal-Knisja f’Malta u numru ta’ organizzazzjonijiet oħra. Fid-diskors tal-għeluq, rappreżentanti ta’ dawn iż-żewġ organizzazzjonijeit qalu li matul id-diskussjonijiet kienu identifikati oqsma fejn il-UNHCR u l-IOM jistgħu jaħdmu aktar mill-qrib mal-awtoritajiet Maltin u kif dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jagħtu appoġġ lil pajjiżna f’dan il-qasam.

Min-naħa tagħha, il-President Coleiro Preca rringrazzjat lil dawn l-organizzazzjonijiet għall- appoġġ tagħhom biex f’dan il-qasam pajjiżna jibqa’ juri l-ospitalità li dejjem kien magħruf għaliha.