Kultura Lokali

Illejla l-għeluq tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar ta’ Malta

Loghob tan-Nar ta' Malta

Illejla tiġi fi tmiemha t-13-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar ta’ Malta b’wirja piroteknika akkumpanjata mill-mużika fil-Port il-Kbir u bi projezzjoni ta’ dwal fuq is-swar qabel l-ispettaklu tan-nar. Il-wirja spettakolari, li se tittella’ mill-kumpanija PyroEmotions tal-Italja ftit qabel 12am, bin-nar jiġi sparat minn fuq il-baħar, iġġib fi tmiemu l-Festival ta’ din is-sena, li kien wieħed speċjali għax iċċelebra l-10 anniversarju tad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

L-ewwel żewġ serati, li nkludew ukoll kompetizzjoni bejn il-Kmamar tan-Nar, saru fil-jiem li għaddew f’Marsaxlokk u f’Buġibba. Il-Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Piromużika, li saret il-Ġimgħa li għadda f’Marsaxlokk, intrebħet mill-kumpless Pyrotex Fireworks mir-Renju Unit, filwaqt li fit-tieni post ikklassifikat il-kumpanija Steyrfire mill-Awstrija u fit-tielet post ġiet is-Saint Joseph’s Fireworks Factory ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Il-Kompetizzjoni Nazzjonali, li saret il-Ħadd li għadda f’Buġibba, intrebħet mill-Kamra tan-Nar tal-Banda Unjoni Sant Andrija ta’ Ħal Luqa, segwita mis-St. George’s Fireworks Factory ta’ Ħal Qormi u l-Banda Sant Andrija Fireworks Factory ta’ Ħal Luqa fit-tieni u t-tielet post rispettivament.