Il-kumpanija tal-credit cards Insignia ser tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha ma’ Valletta F.C relazzjoni li bdiet lura f’Lulju tal-2013. Hekk qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Insignia Global Cards Rafael Carrascosa waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa fil-għodu fejn spjega li jinsabu kuntenti ħafna f’Malta u jemmen li bl-investiment li huma qed jagħmlu fit-tim Belti, Valletta ser ikollhom tim li kapaċi jħalli impressjonti tajba fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
Carrascosa għamel aċċenn għall-iskema taċ-ċittadinanza u qal li minn naħa ta’ investiment tista’ tkun ta’ benefiċċju għal klabb u għal futbol Malti. Carrascosa tkellem ukoll dwar il-plejers li ġew f’Jannar u qal li minbarra l-kwalita’ huma integraw malajr filwaqt li ikkonferma li hekk kif jispiċċa l-istaġun ser jitkellmu ma’ Valletta F.C.
Minn naħa tiegħu l-President ta’ Valletta, Victor Sciriha sostna li l-mument kruċjali kien f’Jannar bil-wasla tal-kowċ Andre Paus u l-barranin. Hu jittama li l-ħolma tiegħu dik li t-tim javvanza fil-kompetizzjoni taċ-Champions League isseħħ u hemm pjanijiet għal xi ħaġa ikbar biex it-tim ikun kompetittiv. Sciriha f’battuta ħelwa qal li din is-sena t-tim kellu potenzjal kbir għax għal kull pożizzjoni kien hemm żewġ plejers.
Sciriha temm billi tkellem ukoll dwar is-suq tat-trasferimenti fejn żvela li Valletta tallbu biex jibdew negozjati mal-midfielder internazzjonali Malti ta’ Hibs Clayton Failla iżda l-Pawlisti irrifjutaw dawn.
Skont Sciriha, dan it-trattament qed isir biex it-tim tal-Belt ma jkomplix jissaħħaħ filwaqt li klabbs oħra mhux biss jittħallew jinnegozjaw iżda anke jakkwistaw players b’ċifri irħas minn dawk li jixtruhom Valletta. Madankollu, fuq ton kontroversjali, Sciriha qal li hu ma jiddejjaq xejn li kulħadd kontra Valletta u jemmen li t-tim ser ikompli jissaħħaħ fil-futur.
//= $special ?>

