Futbol Sport

Juventus u Valencia jridu rimonta f’darhom

Il-Ħamis jintlagħbu t-tieni legs tas-semifinali tal-Europa League u Juventus u Valencia se jkollhom idawru r-riżultat tal-ewwel legs jekk beħsiebhom ikunu huma li jikkontestaw il-finali fl-14 ta’ Mejju li se tintlagħab f’Turin. Il-Bianconeri tilfu 2-1 fil-Portugall kontra Benfica filwaqt li Valencia sofrew telfa ta’ 2-0 barra minn darhom kontra Seville.

Juventus jafu li gowl ikun biżżejjed kontra ċ-Champions Portugiżi iżda minn dak li wrew fl-ewwel leg Benfica kapaċi jsibu x-xibka f’kull mument. Benfica se jkunu qed jimmiraw li jagħmluha għat-tieni sena konsekuttiva sal-finali u din id-darba jirbħu l-kompetizzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom wara li sena ilu tilfuha kontra Chelsea.

Fil-fatt, mill-erba’ timijiet li fadal f’din il-kompetizzjoni, Benfica hu l-uniku tim li qatt ma rebaħ l-Europa League jew kif kienet magħrufa qabel, it-Tazza UEFA. Benfica jridu jevitaw li jiġrilhom kien kien ġralhom fl-istaġun 2010-11 meta dakinhar fl-ewwel leg tas-semi finali kienu rebħu 2-1 kontra Braga iżda ma għarfux jiddefendu l-vantaġġ minimu li kienu bnew u tilfu t-tieni leg 1-0 biex ġew eliminati. Ironikament, minn kemm ilha tintlagħab l-Europa League kienu biss darbtejn il-każi fejn tim rebaħ l-ewwel leg tas-semifinali 2-1 f’daru u xorta ġie eliminat.

Dan l-istaġun Juventus għadhom ma tilfux logħba mis-sitta li lagħbu f’darhom fl-Europa League u t-telfa f’Lisbona kienet proprju l-ewwel waħda li sofrew f’din il-kompetizzjoni wara 12-il logħba bla telfa.

Minkejja li l-Bianconeri għandhom rekord tajjeb f’darhom fl-Europa League, mis-sitt logħbiet li ma tilfux kienet biss darba fejn ma qalgħux gowl u dan ma jawgurax tajjeb. Jekk Benfica jsibu gowl f’Turin l-affarijiet għat-tim ta’ Conte jikkumplikaw ruħhom sew. Benfica rebħu l-aħħar erba’ partiti li lagħbu barra minn darhom dan l-istaġun fl-Europa League.

Benfica għal darba oħra se jkunu mingħajr il-winger Salvio filwaqt li Juventus se jkollhom lill-midfielder Vidal nieqes. Fl-aħħar ħarġa Juventus għelbu lil Sassuolo fil-kampjonat biex issa jonqoshom biss rebħa biex ikunu inkurunati Champions filwaqt li Benfica, li diġa’ huma champions ta’ pajjiżhom, kellhom ġimgħa biex iħejju għal dan il-konfront minħabba li ma kienux impenjati fil-kampjonat.

Iridu rimonta oħra
Intant, fis-semifinali l-oħra Valencia jridu jiskurjaw minn tal-anqas żewġ gowls kontra Seville biex jisfurzaw il-ħin barrani. Rimonta kbira m’hix xi ħaġa ġdida għal Valencia għax fir-rawnd preċedenti eliminaw lil Basel wara li kienu tilfu l-ewwel leg 3-0. B’hekk, it-tim ta’ Juan Antonio Pizzi jrid juri l-istess grinta li wera xahar ilu kontra Basel biex jipprova jelimina lil Seville u jagħmilha sal-finali.

Valencia se jkunu qed jimmiraw li jirbħu l-kompetizzjoni għat-tieni darba filwaqt li Seville jridu jirbħuha għat-tielet darba.

Kemm Seville kif ukoll Valencia tilfu fl-aħħar ħarġa tagħhom fil-kampjonat. Valencia tilfu 1-0 kontra l-liders Atletico Madrid filwaqt li Seville tilfu 3-1 kontra Athletic Bilbao.