Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

L-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż jibqgħu element importanti għall-ekonomija Maltija

Kull sena Malta tattira madwar 80,000 student u studenta minn pajjiżi barranin biex jitgħallmu l-Ingliż fl-iskejjel speċjalizzati li hawn f’pajjiżna. Il-mod kif din l-industrija qed tikber u l-benefiċċji li qed tħalli għall-ekonomija Maltija kienu taħt il-lenti waqt żjara li l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jonathan Shaw għamel fl-uffiċċji tal-Federazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tal-Iskejjel li jgħallmu l-Ingliż f’Malta (FELTOM).

Jirriżulta li l-akbar numru ta’ studenti li jżuru Malta għal dan l-iskop huma mill-Italja, mill-Ġermanja u mir-Russja, għalkemm hemm ukoll numru kbir ta’ studenti minn diversi pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea li wkoll jagħżlu lil Malta għall-istudji tagħhom. Fuq quddiem fost dawn, hemm it-Turkija, il-Korea ta’ Isfel, il-Brażil u anke l-Kolumbja. Dan hekk kif f’Malta hawn 42 skola, li 85% minnhom huma rappreżentati mill-FELTOM.

L-industrija tat-tagħlim tal-Ingliż f’Malta taf il-bidu tagħha fis-snin tmenin, iżda mill-1988 ‘il quddiem ingħatat spinta kbira meta beda l-proċess ta’ liberalizzazzjoni fl-ekonomija u fl-istrutturi kollha tas-soċjetà Maltija. Mal-uffiċjali tal-FELTOM, Jonathan Shaw tkellem dwar il-mod kif din l-industrija taffettwa setturi oħra tal-ekonomija, fosthom dak tal-familji Maltin li joffru akkomodazzjoni lil dawn l-eluf ta’ studenti. Il-kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew saħaq dwar l-importanza li din l-industrija tkun mifruxa matul is-sena kollha u ma tkunx iffukata biss fuq il-perjodu tas-sajf.

Jonathan Shaw enfasizza wkoll l-importanza li l-iskambji tal-istudenti ma jservux biss għat-tagħlim tal-lingwa jew għall-aspett ekonomiku, iżda jħallu warajhom skambji kulturali li tant huma mportanti fl-iżvilupp tal-persuna.