Il-PN irid ikun it-tarka tal-poplu Malti fl-Ewropa. Irid ikun il-vuċi tal-poplu Malti fil-Parlament Ewropew. Irid li jkompli jaħdem biex ikollna Malta aħjar fl-Ewropa.
Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-PN Simon Busuttil meta kien qed jindirizza attività fi Pjazza San Ġorġ il-Belt biex jitfakkar l-għaxar anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Simon Busuttil qal li l-PN għandu għax ikun kburi li hu kellu raġun fuq l-Unjoni Ewropea u saħaq li llum ma għandna nħallu lil ħadd jikteb l-istorja mill-ġdid.
Il-Kap tal-PN silet id-differenza bejn il-viżjoni tal-PN u n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Partit Laburista.
Simon Busuttil qal li l-viżjoni tal-PN wasslet biex, permezz tal-Unjoni Ewropea llum għandna ekonomija iktar b’saħħitha, standards ogħla għal pajjiżna u munita li salvatna mill-agħar maltemp finanzjarju. Fakkar li matul l-10 snin ta’ sħubija pajjiżna gawda minn 1,300 miljun ewro filwaqt li l-Gvern Laburista għad irid jgħid kif se jintefqu l-1,100 miljun ewro li kiseb Gvern Nazzjonalista għas-7 snin li ġejjin.
Simon Busuttil qal li bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, ankrajna lil pajjiżna fil-valuri Ewropej tad-demokrazija li llum hija mhedda minn Gvern li ħa f’idejh l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, il-valur tad-dinjità tal-bniedem li llum huwa mnaqqar min-nuqqas ta’ xogħol, il-valur tal-pluraliżmu li llum huwa mhedded għax il-Gvern mehdi jitfa’ t-tajn lill-Oppożizzjoni.
Għaldaqstant, saħaq Simon Busuttil, l-Oppożizzjoni trid tkompli taħdem għal Malta Aħjar fl-Ewropa u għalhekk il-poplu għandu jagħti l-vot tiegħu li tim tal-kandidati li huma konvinti mill-ideal Ewropew.
Il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit li għandu qalbu mal-ħaddiem, kuntrarju għal dan il-Gvern li sar il-Gvern tal-ftit li ħatfu kollox. Huwa fakkar li jekk f’5 xhur il-poplu se jkun qed jiffranka €5 fil-prezz tal-gass, fl-istess perjodu l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi se tkun qed taqla €70,000.
Il-Viċi Kap tal-PN Mario De Marco ħares lejn il-mixja li għamel pajjiżna fil-vjaġġ tiegħu lejn l-Ewropa u faħħar lill-poplu Malti li ma qatax qalbu u għażel li jimxi din il-mixja. Illum, saħaq Mario De Marco, huwa importanti li nibqgħu nħaddnu l-valuri Ewropej li jinsabu mhedda.
Is-Segretarju Ġenerali Chris Said qal li 10 snin ilu l-Partit Nazzjonalista kiteb paġna glorjuża fl-istorja ta’ Malta u sellem lil mexxejja li wasslu biex pajjiżna jagħmel dan il-pass. Fakkar li ħaddieħor ried it-triq tal-partnership fosthom Joseph Muscat li llum huwa l-Prim Ministru ta’ Malta u Alfred Sant li llum qed jimmira li jkun Membru Parlamentari Ewropew. Huwa saħaq li huwa importanti li fl-24 ta’ Mejju niddefendu u nsaħħu dak li ksibna 10 snin ilu.
//= $special ?>