Internazzjonali

Martirju waqt esekuzzjoni fl-Istati Uniti

Raġel ta’ 38 sena li ngħata l-piena tal-mewt f’Oklahoma dam madwar 40 minuta f’agunija wara li l-injezzjoni letali li ngħata waqt esekuzzjoni ma ħadmitx kif suppost.
Hu miet imbagħad b’attakkt al-qalb.

L-esekuzzjoni ta’ Clyton Lockett twaqfet wara 20 minuta wara li nfaqatlu vina u t-taħlita ta’ droga letali li ngħata ma ħadmitx. Ħabsi ieħor li kellu jingħata l-piena tal-mewt sagħtejn wara kienet posposta minħabba dak li ġara fil-każ ta’ Lockett.

Dan seħħ fl-isfond ta’ dibattitu fl-Istati Uniti dwar kemm il-Kostituzzjoni Amerikana tippermetti l-użu tal-injezzjoni letali bħala esekuzzjoni.

Lockett kien kundannat għall-qtil fl-1999 ta’ mara ta’ 19-il sena.

L-injezzjoni letali, li hi taħlita ta’ tliet drogi, bdiet tintuża l-ewwel darba f’Texas fl-1982 u issa saret komuni fl-Istati Uniti.

Imma kumpaniji Ewropej, li kienu jipproduċu dawn id-drogi waqfu l-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti peress li jintużaw f’esekuzzjonijiet u għalhekk l-awtoritajiet Amerikani qed jużaw taħlita differenti minn sorsi lokali u hemm dubji kbar kemm din it-taħlita lokali hi effettiva.

Issa diversi Stati Amerikani li għandhom il-piena tal-mewt qed jużaw injezzjoni letali bi droga waħda minflok tlieta.