Hekk kif fid-9 ta’ Mejju se tibda d-59 edizzjoni tal-konkors mużikali tal-Eurovision f’Copenhagen fid-Danimarka, din is-sena qed jittieħdu aktar miżuri mis-soltu biex ikun evitat it-tbagħbis tal-voti.
Dan wara li fl-aħħar edizzjoni kien hemm ħafna allegazzjonijiet ta’ sforzi ta’ xiri ta’ voti.
Il-European Broadcasting Union (EBU) qalet li investigat rapporti ta’ tbagħbis tal-voti fil-kompetizzjoni tas-sena li għaddiet fl-Iżvezja, u nstab ukoll li kien hemm żbalji fil-mod kif ingħataw il-voti minn ġurija ta’ pajjiż fis-semifinali.
Se jittieħdu passi wkoll fil-konfront tal-votazzjoni mill-pubbliku biex in-nies ma jivvutawx aktar minn darba mill-istess linja.
Matul l-aħħar edizzjoni tal-Eurovison, fuq il-media tal-Litwanja kienu ħarġu filmati ta’ nies jippruvaw jixtru l-voti għall-Azerbaijan, li kien spiċċa fit-tieni post.
Frank Freiling, iċ-Chairman tal-Eurovision Song Contest Reference Group, qal li kien fiduċjuż li s-sistemi ta’ sigurtà kienu kapaċi jindunaw jekk ikun hemm xi abbuż. Hu qal li din is-sena hemm ukoll sensiela ta’ miżuri biex il-vot ikun aktar trasparenti.
Freiling qal ukoll li l-identità tal-ġurija nazzjonali se tkun magħrufa minn qabel biex ikun investigat jekk għandhomx rabtiet ma’ pajjiżi oħra jew ma’ xi kantanti.
Hu qal li min jinqabad jikser ir-regoli kien se jkun ikkastigat severament bil-possibbiltà li l-pajjiż ikun imkeċċi għal tliet snin mill-kompetizzjoni.
//= $special ?>