Lokali

Tnejn iweġġgħu ħafif f’ħabta f’Ħaż-Żabbar

Żewġ irġiel sofrew feriti ħfief wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku li seħħ wara nofsinhar f’Ħaż-Żabbar. Kawża tal-impatt, waħda mill-karozzi nqalbet u spiċċat waqfet ma’ ħajt fil-ġenb tat-triq. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li għall-ħabta tas-1pm l-irġiel, ta’ 39 u 20 sena, kienu qed isuqu l-vetturi Ford Puma propjetà tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) u taxi tat-tip Mercedes. Ix-xufiera ma kellhom lil ħadd magħhom.

Waħda mill-vetturi kienet għaddejja mit-triq prinċipali, filwaqt li l-oħra kienet ħierġa minn triq sekondarja. Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza, fejn kienu ċċertifikati li sofrew minn feriti ħfief. Sorsi li tkellmu magħna qalu li huma ġew rilaxxati mill-Isptar ftit tal-ħin wara li sarulhom it-testijiet mediċi.

Abbużi minn min jipparkja ħażin qed iwasslu għal inċidenti bħal dan

Persuni li tkellmu magħna qalu li inċidenti serji bħal dawn mhux l-ewwel darba li seħħew f’dawn it-toroq. Dan hekk kif sewwieqa oħrajn jagħżlu li ma jsegwux sinjali tat-traffiku li hemm fit-triq sekondarja. Minkejja li f’din it-triq hemm sinjali, fosthom ta’ Keep Clear, numru ta’ sewwieqa xorta jagħżlu li jipparkjaw il-vetturi tagħhom fejn mhux suppost biex jagħmlu użu minn ħanut li jinsab fil-viċin.

Kawża ta’ dan, xufiera li jkunu għaddejjin minn din it-triq ikollhom jaqbżu l-vetturi li jkunu pparkjati ħażin, bil-konsegwenza li jispiċċaw jiffaċċjaw periklu għalihom u għal dawk li jkunu magħhom. Il-persuni li tkellmu magħna qalu li wħud mir-residenti fil-viċinanzi saħansitra rrappurtaw dawn l-abbużi lil diversi Uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija, iżda l-ilmenti tagħhom spiċċaw waqgħu fuq widnejn torox. Wieħed qalilna li xi ħadd saħansitra rrapporta lill-Kummissarju tal-Pulizija.

Hi ħasra li dawn l-affarijiet qed jibqgħu jseħħu. … Nibża’ biss li qabel ma jmut xi ħadd, jispiċċa ma jsir xejn, stqarr wieħed mir-residenti.