Futbol Sport

Valletta u Sliema jġibu fi tmiemu l-istaġun

Il-Ħamis f’Ta’ Qali se tintlagħab il-finali tal-U*BET FA Trophy bejn iċ-champions il-ġodda tal-futbol Malti, Valletta u Sliema Wanderers.

Valletta se jkunu qed jippruvaw jagħmlu d-Double għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar 13-il sena. Ironikament, il-Beltin se jkunu qed jippruvaw din it-tazza għat-13-il darba. Sliema, li huma l-aktar tim li rebaħ din il-kompetizzjoni, se jkunu qed jippruvaw jirbħuha għal 21 darba.

Bla dubju l-morall ta’ Valletta se jkun wieħed għoli wara r-rebħ tal-kampjonat. Fi tmiem il-ġimgħa Valletta rebħu l-kampjonat għat-22 darba fl-istorja meta għelbu lil Birkirkara 2-0 filwaqt li fl-aħħar ħarġa tagħhom fil-kampjonat Sliema rebħu 3-1 kontra Hibernians biex spiċċaw fil-ħames post. Bir-rebħa li kisbu Valletta kontra Birkirkara, Sliema kisbu post fl-Europa League għall-istaġun li ġej u skont il-kowċ tagħhom, Alfonso Greco dan il-fattur se jnaqqas ħafna mill-pressjoni fuq il-players.

Jekk is-Slimiżi jirbħu l-partita dan ikun l-ewwel unur għalihom f’dawn l-aħħar ħames snin. Ta min jiftakar li fl-2009 Sliema kienu rebħu din il-kompetizzjoni meta fil-finali għelbu lil Valletta.

Dan l-istaġun Sliema għadhom qatt ma rebħu kontra Valletta. F’erba’ okkażjonijiet Valletta rebħu darbtejn, darba bi skor ta’ 3-0 u darba oħra 2-0. Fid-darbtejn l-oħra il-partiti spiċċaw 0-0 u 1-1. Fil-logħba li tat-23 ta’ Frar li intemmet 1-1, l-awtur tal-gowl Slimiż kien Ivan Woods. Dan tal-aħħar, illum, hu mistenni jilbes il-flokk tal-Wanderers għall-aħħar darba fil-karriera tiegħu.

Għal din il-logħba Valletta se jkollhom nieqsa lil Abdelkarim Nafti u Steve Borg li ġew sospiżi fil-Kampjonat imma jridu jiskontaw is-sospensjoni f’din il-finali filwaqt li John Mintoff ta’ Sliema se jkun sospiż wara li ġabar erba’ karti sofor f’din il-kompetizzjoni.