Kultura Kurżitajiet Lokali

150 rekord fil-Malta Records Festival f’Ħal Qormi

Torri magħmul minn 21,000 profiterole, tazza tal-cocktails għolja 3 metri, kollezzjoni ta’ insetti, pizza twila 9 metri, borża kbira tal-popcorn, l-iżgħar żeffiena u piramida magħmula mill-ħobż. Dawn huma ftit mill-150 rekord li nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej se jkunu f’Ħal Qormi waqt The Malta Records Festival.

Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, fejn attendew aktar minn 15,000 persuna, The Malta Records Festival ta’ din is-sena se jkun mifrux fuq aktar toroq. Dan se jibda minn ħdejn il-knisja ta’ San Ġorġ, jgħaddi minn Triq Anici u jinżel fi Triq Santa Katerina.

Il-Ġimgħa, il-pubbliku se jkun jista’ jduq il-cocktail li se jitħallat minn James Aquilina, fl-ikbar tazza tal-cocktail li tesa’ 240 litru. Dawk kollha li jħobbu l-ħelu, l-għada s-Sibt, se jkunu jistgħu jaraw u jduqu wkoll mill-itwal torri magħmul mill-profiteroles, li se jinħadem minn Joe Borg Bonaci u Tiziano Cassar.
Din is-sena wkoll se jkun hemm kompetizzjonijiet u rekords marbuta mal-logħob tan-nar.

Il-pubbliku se jkun jista’ jipparteċipa u jikser uħud mir-rekords. Fost dawn hemm: min jiftaħ l-iktar tappijiet ta’ birra f’minuta, min jiekol ravjul nej u zalzett tal-Malti nej, min jixrob pinta birra fl-inqas ħin, min jiekol l-iktar hot dogs, u saħansitra min jirnexxielu jwaddab l-iktar ‘il bogħod magna tal-ħasil.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għal-Agrikoltura Roderick Galdes, ħeġġeġ biex aktar għaqdiet bħal The Malta Records, jieħdu inizjattiva biex ikomplu jippromwovu l-prodott Malti, il-ħiliet u l-kreattività tal-Maltin.

Min-naħa tagħha, is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar saħqet li The Malta Records Festival beda minn ħolma u llum hu wieħed mill-akbar attività li ssir f’Malta.