Lokali

€309,093 miġbura fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi

€309,093. Din hija ċ-ċifra totali miġbura matul il-Maratona Ġbir ta’ Fondi li organizza l-Partit Nazzjonalista, fl-ewwel jum tax-xahar propju f’Jum il-Ħaddiem.
Maratona li saret ukoll fl-isfond tal-10 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, anniversarju li fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil juri bis-sħiħ l-ispirtu tal-partit fil-missjoni tiegħu biex jibni “Malta Aħjar”.
Il-maratona ġbir ta’ fondi bdiet f’nofsinhar tal-Ħamis filgħodu u rat is-sehem ta’ numru sabiħ ta’ preżentaturi ta’ NET TV u Radio101, flimkien ma’ talent lokali, bi żfin u kant kontinwu.
Matulha attendew ukoll numru ta’ uffiċjali tal-Partit, fosthom il-Viċi Kap tal-partit Beppe Fenech Adami li spjega l-importanza ta’ kull donazzjoni, u l-Viċi Kap Mario de Marco, li fakkar fl-istorja twila li wasslet biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Ġenerali Chris Said, min-naħa tiegħu, awgura li attivitajiet bħal dawn ikomplu jixprunaw lill-partit biex iwettaq il-ħidma tiegħu.
Attendew ukoll l-eks Prim Ministri u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi, flimkien mas-sinjura tiegħu Kate Gonzi u l-eks Ministru għal Affarijiet Barranin Joe Borg – persuni li huma fil-qofol tal-istorja ta’ Malta, kemm biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea kif ukoll biex twettaq il-frott ta’ din is-sħubija.
Il-pubbliku kellu fuq kollox iċ-ċans li jiltaqa’ mal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, li lkoll tkellmu dwar esperjenzi personali tagħhom kif ukoll l-aspirazzjonijiet tagħhom għal Malta aħjar fl-Ewropa.