Lokali Xjenza u Teknoloġija

Il-Ministru Manuel Mallia jżur l-Air Wing tal-FAM

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Ministru Manuel Mallia żar l-Air Wing tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Kirkop. Hu ntlaqa’ mill-Brigadier Jeffrey Curmi u mid-Deputat Kmandant tal-Armata Mark Mallia.

F’wieħed mill-hangars ġodda li saru b’investiment tal-Unjoni Ewropea, il-Kmandant tal-Air Wing il-Logutenent Kurunell Clinton O’Neill spjega lill-Ministru Mallia l-ħidma ma tieqaf xejn tas-suldati f’din it-taqsima. Manuel Mallia ltaqa’ ma’ membri tal-ekwipaġġ ta’ ħelikopter Alouette u ma’ ekwipaġġ ta’ ajruplan King Air li kienu xogħol matul din il-festa.

Il-Ministru Mallia ltaqa’ wkoll ma’ Gunner Rachelle Cutajar, l-ewwel tekniku mara fl-Air Wing. Dak il-ħin numru ta’ suldati kienu qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq ajruplan King Air. L-ekwipaġġ minimu ta’ King Air hu magħmul minn bdot, co-pilot u mission system operator li jħaddem l-apparat fotografiku u ta’ komunikazzjoni abbord.

Manuel Mallia żar ukoll sit li fih se jittella’ bini għall-amministrazzjoni tal-Air Wing kif ukoll estensjoni fuq hangar ieħor eżistenti b’investiment ta’ €2.4 miljun mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (EDF).

F’kelmtejn il-Ministru Mallia rringrazzja lill-membri kollha tal-Forzi Armati, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għax-xogħol mitqlu deheb li jagħmlu b’riżq is-sigurta’ nazzjonali. Hu sellem lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin għall-kontribut li qed jagħtu permezz ta’ xogħolhom u awgura li l-pajjiż ikompli jistagħna u biex il-kwalita’ tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, tissaħħaħ.

L-Air Wing tal-Forzi Armati qed tistenna b’ħerqa kbira l-wasla tal-ewwel helikopter b’żewġ magni Augusta Westland 139 fl-aħħar ta’ Ġunju. Beda wkoll xogħol biex jinxtara t-tieni helikopter tal-istess tip u hemm ukoll pjani biex l-Air Wing ikollha t-tielet helikopter.

L-Air Wing hi magħmula minn 108 suldati li minnhom 12 huma fizzjali u 96 f’ranks differenti.