Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Ewropa Lokali

Il-PN dejjem emmen li post Malta hu fl-UE – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni favur l-Ewropa u dejjem emmen fl-Unjoni Ewropea tant li 10 snin ilu ħadem bla heda biex Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea. Propju fl-ewwel ta’ Mejju ta’ għaxar snin ilu, Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt laqgħa li kellu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista ma delegazzjoni ta’ 47 membru tal-Partit Demokratiku Kristjan tal-Ġermanja, is-CDU li hu mmexxi mill-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Id-delegazzjoni hi mill-belt ta’ Paderborn mit-taqsima tan-negozji ż-żgħar tas-CDU.

Simon Busuttil qal li l-viżjoni tiegħu hi ta’ Ewropa magħquda għax iktar ma jkun hemm għaqda u integrazzjoni, iktar igawdu ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.

Dwar l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Simon Busuttil qal li hemm bżonn li l-partiti favur l-Unjoni Ewropea jaħdmu iktar biex iressqu l-Unjoni Ewropea iktar qrib iċ-ċittadini. Hu saħaq ukoll dwar il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea jkollha politika komuni dwar l-immigrazzjoni.

Rudiger Koche, il-Kap tal-delegazzjoni tas-CDU tkellem dwar il-ħtieġa li l-Ewropa jkollha stabbilta` finanzjarja u ekonomika.

Wara Simon Busuttil wieġeb diversi mistoqsijiet mill-membri tad-delegazzjoni Ġermaniża.