Kultura Lokali Unjoni Ewropea

Filmat: Il-poplu jiċċelebra 10 snin mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea

Fil-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, Malta ċċelebrat l-10 anniversarju mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea bi spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar akkumpanjat mill-mużika fil-Port il-Kbir u anke b’laser show mas-swar tal-Forti Sant Anġlu.

Ħafna nies ħonqu ż-żona tal-Valletta Waterfront, il-Barrakka ta’ Fuq u ta’ Liesse biex isegwu dan l-ispettaklu li sar ukoll bħala parti mill-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-nar. Din il-wirja spettakolari ittellgħet mill-kumpanija PyroEmotions tal-Italja ftit qabel nofsillejl.

Propju fl-1 ta’ Mejju tal-2004, Malta flimkien ma disa’ pajjiżi oħra Ewropej saret membru tal-Unjoni Ewropea. Malta issieħbet wara li fis-sena 2003 il-poplu Malti f’referendum b’maġġoranza kbira vvota favur is-sħubija.

Il-Partit Nazzjonalista kien ilu snin twal jaħdem biex Malta tieħu postha fl-Unjoni Ewropea partikolarment bil-ħidma tal-eks Prim Ministru, Eddie Fenech Adami u l-eks Ministri tal-Affarijiet Barranin, Guido de Marco u Joe Borg, filwaqt li l-Partit Laburista kien kontra u ried Svizzera fil-Mediterran.

Fuq quddiem kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kien hemm il-mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien, Alfred Sant u l-mexxej preżenti, il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Filmat: Raniero Borg