Lokali

Il-Pulizija tkisser ċirku ta’ droga

 

Wara ġimgħat ta’ investigazzjoni, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, irnexxielha tkisser ċirku ta’ persuni li kienu qed jittraffikaw id-droga f`Malta.

Kmieni l-Ħamis filgħodu il-Pulizija waslet għall-arrest ta’ tliet irġiel Taljani, wieħed ta’ 54 sena, ieħor ta’ 48 sena, u ġuvni ta’ 30 sena, lkoll residenti f’Katanja, fi Sqallija.

L-arresti bdew għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu ġewwa Paceville, ftit tal-ħin wara li huma kienu għadhom kif waslu f’Malta.

Wara tfittxija li saret ġewwa l-vettura, li kienu qed isuqu, il-Pulizija sabu madwar ħames kilogrammi ta` sustanza suspettata raża tal-kannabis u żewġ pakketti oħra li jammontaw għal madwar kilogramma ta’ sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis.

Il-Maġistrat tal-Għassa kien infurmat bis-sejba u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

Il-persuni mistennija li jittressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjien hekk kif investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin