IĊ-ĊINA – Il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, ħeġġeġ għal ‘azzjonijiet deċiżivi’ fil-konfront tal-aħħar ‘attakki terroristiċi’ fl-inħawi ta’ Xinjiang, li rriżultaw f’talanqas tlett maqtula u ‘l fuq minn tmenin midruba.
L-attakk seħħ nhar l-Erbgħa waqt li Xi Jinping kien qed jikkonkludi żjara fir-reġjun u meta aggressuri użaw is-skieken u l-isplussivi bħala ‘strumenti tal-mewt’ fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Urumqi. L-inċident, intant, isegwi attakk simili li seħħ f’Marzu, fl-istazzjon ta’ Kunming (lejn in-Nofsinar taċ-Ċina), u li ħalla mat-tletin maqtula.
L-inħawi ta’ Xinjiang għaddew minn diversi inċidenti ta’ vjolenza fl-aħħar sena, bl-awtoritajiet komunisti f’Beijing qed jakkużaw lis-separatisti tal-Uighur (minoranza Musulmani) bħala l-elementi responsabbli.
Fil-fatt, l-Uighur qed ikunu implikati fid-dmija ta’ Kunming, b’mod partikolari, b’Xi Jinping – li kien qed jagħmel l-ewwel żjara tiegħu fir-reġjun bħala President taċ-Ċina – isostni li hu ‘essenzjali’ li l-pajjiż jifhem dwar l-aġir tas-separatisti ta’ Xinjiang.
Xi Jinping sostna li l-pajjiż ‘ma jistax juri d-dgħjufija fil-battalja kontra l-vjolenza u t-terroriżmu’ u li l-awtoritajiet jeħtieġu jieħdu l-azzjonijiet deċiżivi ħalli jrażżnu l-ispinta tas-separatisti.
Intant, rapporti dwar id-dmija fl-istazzjon ta’ Urumqi qalu li numru ta’ aggressuri attakkaw lin-nies li nzertaw fl-inħawi bis-skieken, minbarra li tajjru l-isplussivi fl-istess zona. Aktar ‘il quddiem, diversi kummenti u ritratti relatati ma’ din l-aggressjoni ‘dehru imbagħad tneħħew’ mill-akbar microblog taċ-Ċina.
Filwaqt li kelliema għall-awtoritajiet f’Xinjiang qalu li qegħdin jinvestigaw l-inċidenti, l-Gvern lokali qal li s-sitwazzjoni fl-inħawi ta’ Urumqi issa tinsab taħt kontroll.
//= $special ?>

