Internazzjonali

Inkwiet fit-Turkija fost tradizzjonijiet Sovjetiċi fir-Russja

[headlines headline=”h3″ ] Imfakkar l-Ewwel ta’ Mejju  [/headlines]

Il-Pulizija Torka użat il-gass tad-dmugħ u l-kanuni tal-ilma biex twaqqaf folol ta’ dimostranti milli jipprotestaw fi Pjazza Taksim fiċ-ċentru ta’ Istanbul u fejn seħħew numru mhux speċifiku ta’ midruba u arrestati.

L-inkwiet fit-Turkija seħħ waqt li eluf ta’ nies inġabru f’pajjiżi oħra biex ifakkru l-Ewwel ta’ Mejju – Jum il-Ħaddiem – fost preżenza kbira ta’ pulizija b’uħud jikkundannaw is-salarji baxxi u b’oħrajn isejħu għal riformi li jtejjbu l-kwalita tal-ħajja.

Intant, spikkat it-tensjoni f’Istanbul, speċjalment fl-inħawi ta’ Pjazza Taksim, fejn il-pulizija ħadu miżuri tas-sigurta intensivi wara li l-Prim Ministru Tork, Recep Tayyip Erdogan, wissa lin-nies ‘biex jaqtgħu qalbhom milli jinġabru fl-inħawi speċifiċi’.

Iżda t-trade unions ewlenin tat-Turkija ħarġu xorta lill-membri ‘biex jisfidaw il-projbizzjoni illegali’, bin-nies tinġema’ fil-pjazza ta’ Istanbul li saret post simboliku għall-protesti kontra l-Gvern.

 

[headlines headline=”h3″ ] Ir-Russja… [/headlines]

Fir-Russja, ‘l fuq minn 100,000 ruħ ħadu sehem f’parata tul il-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska u li kienet l-ewwel avveniment fuq skala hekk kbira, f’dawn l-inħawi, mill-kollass tal-Unjoni Sovjetika komunista fl-1991. Il-parata kienet organizzata mit-trade unions fuq l-istess stil tat-tradizzjonijiet Sovjetiċi u bil-parteċipanti anki jiċċelebraw l-impenn riċenti tar-Russja biex iżżid il-penisola tal-Krimea mat-territorju tagħha.

[headlines headline=”h3″ ] Il-Kambodja… [/headlines]

Fil-Kambodja, numru ta’ pulizija ċivili li kienu armati bil-lembubi attakkaw lid-dimostranti li attendew diskors tal-Kapijiet tal-Oppożizzjoni fi Phom Penh u fejn weġġgħu numru ta’ nies. Id-diskors kien intiż biex ifakkar l-Ewwel ta’ Mejju u fl-istess ħin jinawgura l-kampanja tal-Oppożizzjoni għall-elezzjonijiet lokali.

[headlines headline=”h3″ ] Il-Filippini… [/headlines]

Fil-Filippini, eluf ta’ ħaddiema ħadu sehem fi protesta paċifika rigward il-pagi baxxi, u fejn fl-istess ħin ikkundannaw ‘il-falliment’ tal-President Filippin, Beningno Aquino III, milli jwettaq ir-riformi favur il-foqra u kontra l-korruzzjoni.

[headlines headline=”h3″ ] Il-Malasja… [/headlines]

Fil-Malasja, folol ta’ ċittadini inġabru fi Kuala Lumpur għal dimostrazzjoni kontra taxxa imminenti fuq is-servizzi li jaħsbu li għandha żżid l-għoli tal-ħajja.

[headlines headline=”h3″ ] L-Iran… [/headlines]

Fl-Iran, il-President, Hassan Rouhani, qal lill-eluf ta’ ħaddiema li kienu qed jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem, f’Tehran, li hu favur it-twaqqif tal-unions ‘li jkunu ħielsa minn kwalunkwe indħil mill-Istat’.