L-IRLANDA TA’ FUQ – Kompliet l-interrogazzjoni tal-Kap tal-Partit Sinn Fein, Gerry Adams, b’konnessjoni mal-qtil, fl-1972, ta’ mara, taħt idejn il-militanti tal-IRA li kienu akkużawha talli kixfet l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom.
Adams, li qatta l-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis fl-għassa tal-pulizija, f’Antrim, qed jgħid li ma kellu qatt sehem fl-omiċidju ta’ Jean McConville li qabel mewtha kienet inħatfet mill-membri tal-grupp armat (Irlandiż) separatista u li l-katavru tagħha kien spiċċa rikoverat minn bajja f’County Louth, fl-2003.
Il-Partit Sinn Fein ħareġ stqarrija fejn qal li ‘Gerry Adams, sa minn ġimgħat qabel, kien lest li jkellem lill-Pulizija Irlandiża dwar il-każ’ b’Alex Maskey, kollega ta’ Adams, jikkundanna ż-żmien tal-arrest ta’ sieħbu. Dan meta l-elezzjonijiet għall-gvernijiet lokali (fl-Irlanda ta’ Fuq) u l-Parlament Ewropew huma ftit aktar minn tlett ġimgħat ‘il bogħod.
Min-naħa tiegħu, Gerry Adams sostna li filwaqt li qatt ma iddisassoċja ruħu mill-IRA (wara snin bħala membru attiv) huwa ‘innoċenti’ minn kwalunkwe rwol fil-ħtif u l-qtil ta’ McConville. Hu ikkundanna l-qtil u d-difna sigrieta tal-mara bħala ‘inġustizzja kbira għaliha u għal familtha’, iżda fl-istess ħin ċaħad ‘għall-aħħar allegazzjonijiet malizzjużi fil-konfront tiegħu.’
Madankollu, l-qraba ta’ McConville laqgħu tajjeb l-arrest ta’ Adams u qalu li jridu biss li ssir il-ġustizzja ma’ mara li (anki) spiċċat vittma ta’ akkużi infondati min-naħa tal-IRA.
Gerry Adams qatt ma kien akkużat bħala membru tal-IRA – entita militari repubblikana li, tul is-snin, wettqet diversi attakki terroristiċi fl-Ingilterra waqt l-impenn tal-grupp biex l-Irlanda ta’ Fuq tinqata’ mir-Renju Unit u ssir parti minn Irlanda Magħquda’.
//= $special ?>