Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li wara ġimgħat sħaħ ta’ ilmenti kontinwi dwar diskriminazzjoni politika fl-għoti tal-mediċini b’xejn, il-Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi issa qiegħed jipprova jbellagħha lill-poplu Malti u Għawdxi li ma teżistix din id-diskriminazzjoni.
Jekk il-Gvern m’għandux x’jaħbi, allura għandu minnufih jippubblika l-investigazzjoni interna li għandu f’idejh u li tmexxi mis-Segretarju Permanenti appuntat politikament, ieħor minn tal-qalba. Dan fih innifsu jqajjem iktar dubju milli jserraħ ras in-nies, ikompli jgħid il-Partit Nazzjonalista.
L-istqarrija tgħid li l-istejjer dwar diskriminazzjoni politika fl-għoti tal-mediċini b’xejn ilhom jiġu ppubblikati fil-media xhur sħaħ. Il-Ministru għas-Saħħa qed jippretendi li issa l-media għandha tieħu l-kelma tiegħu li dan mhux il-każ abbażi ta’ rapport magħmul internament b’għaġla kbira lejlet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li ma ġiex ippubblikat.
Il-Partit Nazzjonalista jtemm jgħid li l-iskandli rappurtati fil-media indipendenti dwar diskriminazzjoni politika fl-għoti tal-mediċini b’xejn jikxfu abbuż ta’ poter fuq individwi fl-iktar aspett vulnerabbli tagħhom. Anke fl-għoti tal-mediċini, il-Gvern Laburista qed jifred lil tal-qalba mill-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi, ikun x’ikun it-twemmin politiku tagħhom.
//= $special ?>