Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat il-bieraħ waqt mass meeting tal-Partit Laburista f’Bormla rabat l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew mal-fiduċja fit-tmexxija tal-Gvern Laburista u qal li l-elezzjoni trid turi jekk il-poplu jridx lil Gvern ikompli jwettaq il-wegħdiet tiegħu.
Hu qal li dan hu l-mument tal-prova għas-suldati tal-azzar u b’mod aggressiv sostna li min jibqa d-dar u ma jmurx jivvota ikun vot favur min, skont il-Prim Ministru, daħaq bil-poplu.
Joseph Muscat qal ukoll li jaf li hemm min hu mweġġa għax il-Gvern mhux perfett u għalkemm fl-ewwel sena qal li wettaq ħafna, fadal iktar xi jsir.
Joseph Muscat tkellem ukoll dwar l-importanza tal-edukazzjoni biex ikun jista’ jinħoloq ix-xogħol u qal li llum f’pajjiżna għandna għalliema tajbin, skejjel moderni mgħammar bl-aħħar teknoloġija.
Hu fakkar ukoll li 10 snin ilu l-poplu għazel is-sħubija fl-Unjoni Ewropea u qal li l-Gvern irid li jkun Gvern Ewropew.
Imma l-Prim Ministru Joseph Muscat naqas li jsemmi li l-Gvern tiegħu waqqaf il-programm ta’ bini ta’ skola ġdida kull sena tal-Gvern Nazzjonalista. Naqas ukoll li jfakkar lil partitarji Laburisti li hu kien ħadem bla heda biex Malta tibqa’ barra mill-Unjoni Ewropea.
Dwar il-qgħad il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li matul l-ewwel sena tal-Gvern Laburista inħolqu disa’ postijiet tax-xogħol għal kull persuna li qed tirreġistra għax-xogħol. Imma hu naqas li jispjega għaliex il-qgħad qed jiżdied xahar wara l-ieħor u issa qed joqrob lejn it-8,000ruh, anzi skont il-Prim Ministru, ir-rata tal-qgħad qed tonqos.
Fil-mass meeting tkellem ukoll id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela li skont hu, fl-ewwel sena tiegħu il-Gvern wettaq il-mirakli. Hu qal li l-flus ma ħadhomx il-Gvern imma tagħhom lin-nies. Toni Abela ma semmiex li 12-il persuna li qabel Marzu 2013 kienu jaħdmu mal-Partit Laburista bejniethom f’ħames snin se jkunu ħadu madwar 3 miljun mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi f’karigi mal-Gvern li ngħataw mill-Gvern Laburista.
Aġġornata b’reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista
[headlines headline=”h3″ ] Muscat jikkonferma li se jkompli jiggverna għal tal-qalba biss [/headlines]F’mass meeting f’Bormla llum, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li wara l-24 ta’ Mejju, se jkompli jiggverna għal tal-qalba biss.
L-għada tal-24 ta’ Mejju, Joseph Muscat se jkun għadu l-Prim Ministru ta’ Malta u minn issa qiegħed jinsisti li jkompli jaqdi lil-Laburisti tal-qalba biss.
Filwaqt li l-Prim Ministru ma ddejjaq xejn jagħti miljuni ta’ Ewro lil tal-qalba, lilu nnifsu, lill-ħabiba tal-mara tiegħu u lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, Joseph Muscat issa jrid li s-“Suldati tal-Azzar” jikkuntentaw irwieħhom b’2 ċenteżmi.
Huwa wkoll ironiku kif il-Prim Ministru Muscat għażel li jirreferi għas-Suldati tal-Azzar illum li qed niċċelebraw l-għaxar anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Minflok ifakkar l-avvanzi kbar li għamel pajjiżna permezz tas-sħubija, Joseph Muscat jippreferi jfakkarna fl-agħar żminijiet tal-Partit Laburista u s-Suldati tal-Azzar.
Joseph Muscat jużak u jarmik. Hekk għamel wara l-elezzjoni ġenerali u hekk jerġa’ jagħmel wara l-24 ta’ Mejju.
//= $special ?>