Ekonomija Lokali

Servizz ta’ childcare għall-ħaddiema tal-ETC se jitwaqqaf mis-Sajf li ġej

Ħafna għadhom jiftakru bil-wegħda elettorali tal-Partit Laburista ta’ Childcare b’xejn għal nisa li jridu jidħlu lura għax-xogħol jew ikomplu bil-karriera tagħhom.

Iżda għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, mhux talli mhux se jibbenefikaw miċ-Childcare Centre b’xejn talli s-servizz ta’ Childcare li jħallsu għalih se jitwaqqaf mis-Sajf li gej.

Din l-aħbar ingħatat kiesaħ u biered lill-impjegati tal-ETC permezz ta’ email mill-operatriċi li tħaddem is-servizz fuq struzzjonijiet mill-management, ftit jiem wara li Clyde Caruana inħatar Chairman ta’ din il-Korporazzjoni minflok Alfred Grixti.

Skont l-email li ntbagħtet lill-impjegati, id-deċiżjoni ittieħdet mingħajr ebda konsultazzjoni mal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom. Madwar 15-il tifel u tifla fuq it-tliet snin jużaw is-servizz ta’ childcare offrut mill-ETC.

Bħala alternattiva, jidher li l-management issuġġerixxa li t-tfal jintbagħtu fi klabb 3-16.

Iżda f’email li ntbagħtet liċ-Chairman tal-ETC Clyde Caruana, il-ġenituri qalu li din mhix alternattiva għalihom għal diversi raġunijiet, fosthom li Klabb 3-16 mhux offrut fil-lokalitajiet kollha. Barraminhekk il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ Klabb 3-16 huma fis-7.15 ta’ filgħodu fis-Sajf u t-8 ta’ filgħodu fil-vaganzi l-oħrajn. Dan ma jaqbilx mal-ħinijiet tax-xogħol fl-ETC fejn il-ħaddiema diġa’ għandhom ikunu x-xogħol fis-7.15 ta’ filgħodu fis-sajf.

Huma qalu li ġenituri li jħallsu ċ-childcare jagħmlu dan għax m’għandhomx ma’ min iħallu lil uliedhom. Bit-tneħħija ta’ dan is-servizz, se jkun impossibbli għal ħafna minn dawn il-ħaddiema biex ikomplu fl-impjieg tagħhom.

L-email tal-ġenituri tkompli li hu ironiku li filwaqt li l-ETC ħarrġet għexieren ta’ persuni fil-kors taċ-childcare għal diversi snin, l-istess ETC ma sabitx persuni li lesti joffru dan is-servizz lill-impjegati tagħha stess.

Huma qalu li l-ETC għandha tkun mudell għall-employers kollha u appellaw biex ikun hemm diskussjoni sabiex tintlaħaq soluzzjoni.

Impjegata li tkellmet ma’ dan l-istazzjon qalet li b’din id-deċiżjoni, l-employer qed jgħidilha biex tieqaf taħdem għax m’għandhiex ma’ min tħalli lil uliedha.

Hi rrimarkat li dan jikkuntrasta mal-policy ta’ Gvern li suppost jisma’ u jħeġġeġ lin-nisa jibqgħu fis-suq tax-xogħol.