Lokali Qorti

Svediz mixli li ħebb għall-Pulizija

Mikko Henrik Carl-Johan Sepeanius, Svediż li jaħem Malta u residenti l-Gżira ġie mixli kkaġuna ferita ta’ natura ħafifa fuq uffiċjal tal-Pulizija. Il-każ seħħ kmieni l-Ħamis filgħodu f’Paċeville. Kollox jindika li kien hemm vann tal-pulizija għaddej bil-mod meta l-Isvediż mar iħabbat mal-ħġieġa. Il-Pulizija niżlu mill-vann biex jistaqsuh x’ġara, iżda hu ta daqqa lil wieħed minnhom.

X’ħin fl-awla l-Maġistrat Conseulo Scerri Herrera staqsietu x’kien ġara l-Isvediż qalilha: “I think I hit an officer.” Huwa wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Għalkemm intalab il-ħelsien mill-arrest, l-Ispettur Trevor Micallef oġġezzjona għax qal li jista’ jaħrab minn Malta. Jidher li wara tfittxija li għamlu l-Pulizija fl-appartament ta’ Sepeanius sabu biss il-karta tal-identita’ u l-passaport ma nstabx. Mistqosi jekk għandux passaport huwa wieġeb li għandu.

Minn naħa tagħha l-Qorti ddeċidiet li l-akkużat jinżamm arrestat sakemm jinsab il-passaport u jixhed il-vittma.