Futbol Lokali Sport

Valletta jirbħu d-‘double’ wara 13-il sena

minn Stewart Said

VALLETTA…………1
SLIEMA W………….0
Valletta> N. Revishvili, J. Caruana, R. Fenech, R. Briffa, L. Elford Alliyu, A. Da Silva Souza, S. Bajada, D. Rocha dos Santos, I. Maisuradze, L. Cremona, L. Dimech

Sost> E. Agius flok R. Briffa 38’, H. Barry flok A. Da Silva Souza 38’, I. Azzopardi flok L. Cremona 72’

Sliema> G. Zammit, A. Muscat, M. Scerri, S. Ohawuchi, C. Gatt Baldacchino, I. Woods, T. Cilia, P.Barbetti, M. Muchardi, B. Muscat, S. Biancardi

Sost> J. Borg flok B. Muscat 61’, A. Xuereb flok I. Woods 66’

Skorjaw> L. Elford Alliyu 2’ (V)

Imwissija> I. Woods 8’, P. Barbetti 68’, M. Muchardi 79’, S. Biancardi 82’ (S), S. Bajada 90’ (V)

Tkeċċa> H. Barry 70’ (V)

Referee> Clayton Pisani

Attendenza> 6736

F’partita li naqqset li toffri l-ispettaklu mistenni ta’ finali, Valletta għelbu lil Sliema Wanderers 1-0 u rebħu l-ewwel ‘double’ wara nuqqas ta’ 13-il sena. B’din ir-rebħa l-Beltin rebħu wkoll l-FA Trophy għat-13-il darba filwaqt li din kienet l-40 finali għal Sliema li minnhom rebħu nofshom.

Il-partita kienet karatterizzata mill-gowl kmieni wara żewġ minuti. Il-prestazzjoni ta’ Valletta kienet ferm differenti minn dik kontra Birkirkara u kien meta spiċċaw b’raġel anqas li dehru aħjar. Is-Slimiżi minkejja offrew sfida denja u kellhom okkażjonijiet fejn setgħu skorjaw.

Għal Sliema dan kien kampjonat xi ftit diżappuntanti wara li spiċċaw fil-ħames post iżda bir-rebħ tal-kampjonat minn Valletta kkwalifikaw għall-Europa League. Il-Beltin minkejja li kienu rebħu t-Trophy 12-il darba kien ilhom mill-2009-10 ma jirbħu t-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti.

Il-kowċ ta’ Valletta Andre Paus għamel tliet bidliet mill-aħħar partita tal-kampjonat b’Roderick Briffa u Lateef Elford Alliyu jibdew minflok is-sospiżi Steve Borg u Abdelkarim Nafti rispettivament u ż-żagħżugħ Llywelyn Cremona jibda għall-ewwel darba flok Luke Montebello.

Il-kowċ ta’ Sliema Alfonso Greco għamel tlett bidiliet ukoll bis-sospiż Mintoff, Jacob Borg u Kane Farrugia u posthom ħaduh Biancardi, Muchardi u Ivan Woods li kienet l-aħħar partita tal-karriera tiegħu.

Valletta bdew fuq l-istess ritmu tal-partita kontra Birkirkara u marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti meta Alan da Silva Souza qassam lejn Maisuradze li għadda lejn LATEEF ELFORD ALLIYU li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għeleb lil Glenn Zammit. Sliema marru viċin fil-11-il minuta meta xutt ta’ Barbetti stampa mal-lasta iżda mir-rebawnd Muchardi xeħet ftit barra.

Fil-25 minuta minn azzjoni ta’ free-kick xutt ta’ Llywelyn Cremona spiċċa fuq il-lasti ta’ Zammit. Żewġ minuti wara Sliema kienu perikolużi meta Ivan Woods qassam lejn Ohawuchi li minn pożizzjoni ideali spara għoli. Għaxar minuti wara xutt imkaxkar ta’ Mark Scerri għadda ftit barra.

Paus kellu jagħmel żewġ bidliet sfurzati fit-38 minuta meta Roderick Briffa ġie mibdul ma’ Edmond Agius wara li weġġa’ l-pexxul filwaqt li Hamza Barry ħa post Alan da Silva Souza li weġġa’ aktar kmieni fil-bidu. Sliema setgħu għamlu l-iskor indaqs fil-45 minuta meta daqqa ta’ ras ta’ Ohawuchi għaddiet ftit għoli.
Sliema kellhom l-aħjar opportunita` fil-50 minuta meta Woods ġab lil Ohawuchi iżda Revishvili xellef f’korner. Ħames minuti wara xutt mid-distanza ta’ Hamza Barry għadda għoli.

Valletta marru viċin it-tieni gowl fit-62 minuta meta minn żball ta’ Jacob Borg, Elford Alliyu sab lil Zammit isalva b’siequ.

Valletta kellhom ikomplu b’għaxar plejers fis-70 minuta meta tkeċċa Hamza Barry wara ritaljazzjoni. Iżda b’raġel anqas, Valletta dehru aħjar u fit-83 minuta free-kick ta’ Ryan Fenech ġie salvat f’darbtejn minn Zammit. Sliema kienu perikolużi fil-85 minuta b’xuttijiet ta’ Barbetti u Axl Xuereb li t-tnejn għaddew ftit barra.

Fi tmiem il-partita, numru ta’ partitarji ta’ Valletta qabżu fil-‘pitch’ iżda ftit wara, diversi messaġġi telgħu lura fl-istands biex il-kaptin ta’ Valletta Ryan Fenech ġie ppreżentat bi t-trofew mill-Presdient tal-MFA Norman Darmanin Demajo.