Futbol Sport

‘Benfica ma kienx ħaqqhom jgħaddu’

‘It-tim li ma kienx ħaqqu jgħaddu spiċċa ikkwalifika għall-finali. Minn naħa tagħna ma approfittajniex mill-fatt li għal ħin twil konna qed nilagħbu kontra 10 iżda Benfica għamlu minn kollox biex joqtlu l-partita u r-referee għenhom jagħmlu dan.”

Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-kowċ ta’ Juventus Antonio Conte wara li l-Bianconeri sfaw eliminati mis-semi finali tal-Europa League meta fit-tieni leg’ f’darhom ma skurjawx u spiċċaw fi draw ta’ 0-0. Dan fisser li Benfica għaddew għall-finali tal-14 ta’ Mejju li se tintlagħab proprju fil-grawnd ta’ Juventus b’aggregate ta’ 2-1 wara r-rebħa li kienu kisbu fil-Portugall.

Fil-finali Benfica se jilagħbu kontra Seville li eliminaw lil Valencia. Juventus ma għarfux japprofittaw mit-tkeċċija ta’ Enzo Perez fis-67 minuta u b’hekk il-ħolma li jilagħbu l-finali f’Turin ġiet fi tmiema l-Ħamis filgħaxija u issa bla dubju jiffokaw fuq il-kampjonat domestiku fejn b’rebħa nhar it-Tnejn li ġej kontra Atalanta jkunu inkurunati champions għat-tielet sena konsekuttiva.

“Hi ħassra li ġejna eliminati b’dan il-mod. Fuq żewġ legs Benfica kellhom biss żewġ okkażjonijiet ta’ skor u b’dawk iż-żewġ ċansijiet għaddew għall-finali. Minn naħa tagħna l-players taw il-massimu u m’għandix x’ingerger minnhom. Fl-ewwel leg kellu jingħata penalty favurina għal fawl fuq Chiellini u llum kien hemm penalty ieħor ovvju li ma ingħatax. Jekk wieħed iħares lejn l-istatistika taż-żewġ legs jinduna min kien ħaqqu jgħaddi,” temm jgħid Conte.

Fuq l-istess nota ta’ Conte, il-kowċ ta’ Valencia Antonio Pizzi qal li t-tim tiegpu kien jimmeritah jgħaddi għall-finali wara r-rimonta li kien wettaq. Valencia kienu tilfu l-ewwel leg barra minn darhom 2-0 kontra Seville u fit-tieni leg dawru r-riżultat u skurjaw tliet gowls.

Hekk kif kollox deher li Valencia kienu se jikkwalifikaw għall-finali, Seville skurjaw permezz ta’ M’Bia fl-aħħar sekondi biex għaddew bir-regola tal-gowls away.

“Għamilna dak kollu li stajna u kien ħaqqna ngħaddu. Dan hu l-futbol. Il-Ġustizzja mhux dejjem issir iżda wara dan ir-riżultat nafu li qegħdin fit-triq it-tajba biex ‘il quddiem niksbu riżultati importanti,” qal Pizzi.

Minn naħa tiegħu l-kowċ ta’ Seville Unai Emery iddeskriva s-serata bħala waħda ‘unika’. “Li tgħaddi għall-finali b’dan il-mod hi xi ħaġa unika. Illum kienet il-qalb kbira tal-players li wasslitna sal-finali. Ilna minn Awwissu għaddejin nilagħbu f’din il-kompetizzjoni u issa wasal il-mument fejn irridu ingawduh u nippruvaw inpoġġu ċ-ċirasa fuq il-kejk,” qal Emery.