Il-kowċ ta’ Bayern Munich Pep Guardiola qal li se jibqa’ juża l-istess stil ta’ logħob, anke wara li t-tim tiegħu safa eliminat mis-semi finali taċ-Champions League. Matul il-ġimgħa Bayern Munich ġew umiljati meta tilfu 4-0 fit-tieni leg f’darhom kontra Real Madrid wara li kienu tilfu l-ewwel leg 5-0. Minn meta Pep Guardiola ħa post Jupp Heynckes fi tmiem l-istaġun li għadda dan adattata l-istess stil li kellu ma’ Barcelona, stil magħruf bħala ‘tiki-taka’ fejn it-tim tiegħu jibbaża fuq il-pussess tal-ballun. Madankollu, tim bħal Real Madrid għaraf jopera bil-kontra attakk kontra Bayern li dehru bla ideat f’xi mumenti.
“Jien għandi l-ideat u l-filosofija tiegħi u se nibqa’ nużaha kemm kontra Hamburg fi tmiem il-ġimgħa, kemm fil-finali tat-tazza domestika kontra Stuttgart kif ukoll sena oħra. Wara t-telfa kontra Real komplejt nikkonvinċi aktar ruħi li dan hu l-istil ta’ logħob li rrid nibqa nilgħab bih. Jien ma ġejtx il-Ġermanja biex nibdel il-kultura tal-futbol iżda miegħi ġibt ideat ġodda li wara kollox, bihom irbaħt il-Bundesliga f’ħin rekord,” qal Guardiola.
“Il-players iridu jadattaw għall-ideat tiegħi. Ma nistax inkun kowċ ta’ Bayern Munich mingħajr ma jkolli l-ideat tiegħi. Fis-semi finali kontra Real tlifna kontra tim qawwi. Fl-isport ġieli tirbaħ u ġieli titlef. Telfa ma jfissirx li dak li tkun għamilt matul staġun sħiħ ikun ħażin,” kompla jgħid l-eks kowċ tal-Katalani.
Ta min jiftakar li dan l-istaġun Bayern Munich iddominaw fil-Bundesliga u rebħu t-titlu meta kien għad fadal seba’ partiti għal tmiem il-kampjonat. Bayern għadhom b’ċans li jirbħu d-Double meta għad iridu jikkontestaw il-finali tat-tazza domestika fis-17 ta’ Mejju. Rigward il-futur tiegħu mal-klabb Guardiola qal li se jħalli f’idejn is-soċjeta` biex tiddeċiedi u fl-istess ħin saħaq li qed jistenna li players bħal ma huma Thomas Muller, Mario Gotze u Javi Martinez ma jkunux mibjugħa.
Pogba jattakka lil Man Utd
Il-midfielder ta’ Juventus Paul Pogba qal li meta kien ma’ Manchester United ma kienx rispettat. Pogba żvela li meta kien f’diskussjonijiet mad-diriġenti dwar kuntratt ġdid kien ġie mitlub jittħarreġ waħdu. Il-midfielder Franċiż li għad għandu 21 sena ħalla lir-Red Devils f’Lulju tal-2012 u minn dakinhar ‘l hawn kiseb post mal-ewwel 11 ta’ Juventus u llum-il ġurnata hu segwit minn diversi klabbs kbar Ewwropej, primarjament PSG.
“Ħallewni nittħarreġ waħdau għax bdew jgħidu li jien ridt nitlaqhom. Dan kien nuqqas ta’ rispett fil-konfront tiegħi. Man Utd hu klabb kbir u jien tlaqt għax ridt nilgħab futbol regolari u mhux għax ridt immur ma’ xi ħadd li offrieli aktar flus,” qal Pogba, player li ma’ Man Utd lagħab biss seba’ darbiet bħala sostitut.
Zanetti se jirtira
Il-captain ta’ Inter Javier Zanetti se jirtira fi tmiem l-istaġun u se jibda jaħdem bħala Direttur fi ħdan il-klabb. Dan żvelah il-President Erick Thohir fejn qal li tkellem mal-player li f’Awwissu se jagħlaq 41 sena u flimkien iddeċidew il-futur. Minn naħa tiegħu Zanetti minn dejjem stqarr li m’huwiex interessat li jibda l-karriera ta’ kowċ.
“Iltqajt ma’ Zanetti biex nara x’jixtieq. Se jkun parti mid-Diretturi tal-klabb iżda għalissa se jikkonċentra fuq l-aħħar partiti li fadallu jilgħab bil-flokk iswed u blu,” qal Thohir.
Intant, matul il-ġimgħa l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu (MTA) ħabbret li ħatret lill-istess Zanetti bħala l-ambaxxatur għall-gżejjer Maltin fl-Italja. Zanetti ingħaqad ma’ Inter fl-1995 u minn dakinhar ‘l hawn lagħab għal aktar minn 600 darba mal-klabb li miegħu rebaħ numru ta’ kampjonati domestiċi kif ukoll iċ-Champions League.
Ta min jiftakar li Zanetti hu l-aktar player li qatt lagħab mat-tim nazzjonali tal-Arġentina. Zanetti, li ħa sehem f’żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja libes il-flokk tal-Arġentina għal 145 darba.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Italja Zanetti faħħar lil pajjiżna u qal li meta ġie sena ilu hawnhekk ma’ familtu ħa gost ħafna b’dak li ra u faħħar anke l-poplu Malti. Zanetti iffirma kuntratt ta’ tliet snin mal-MTA.
//= $special ?>

