Editorjal

Editorjal: Ħabib ta’ Malta li tista’ tiltaqa’ miegħu llum

Jean Claude Juncker, il-kandidat tal-Popolari għal President tal-Kummissjoni Ewropea

L-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir fl-24 ta’ Mejju se tkun ukoll għall-ewwel darba għażla tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kandidati ewlenin huma dak tal-Partit Popolari u dak tas-Soċjalisti, l-akbar żewġ partiti fil-Parlament Ewropew.

Il-kandidat tal-Popolari, Jean Claude Juncker, se jżur Malta llum u se jieħu sehem fil-kampanja għall-elezzjoni tal-24 ta’ Mejju f’attività tal-Partit Nazzjonalista llejla fis-6.30pm f’Ħ’Attard – waqfa f’Malta wkoll fost numru ta’ pajjiżi li qed iżur fil-kampanja tiegħu.

Jean-Claude Juncker għandu esperjenza kbira fit-tmexxija ta’ pajjiż żgħir bħal Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, li hu pajjiż li għamel suċċess kbir mis-sħubija u li Juncker mexxieh fil-kariga ta’ Prim Ministru fl-aħħar 18-il sena.

Fuq livell Ewropew, fl-aħħar disa’ snin, Jean Claude Juncker mexxa l-grupp ta’ pajjiżi li huma fil-qalba tal-Ewropa għax għandhom l-ewro u li Malta kienet imsieħba magħhom fl-aħħar sitt snin.

Jean Claude Juncker hu fil-fatt ħabib kbir ta’ Malta. Għen biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, ħadem biex Malta tikseb il-pakkett tajjeb li kisbet fin-negozjati, u kien ta’ sostenn għalina fil-ħidma biex nidħlu aktar fil-qalba tal-Ewropa bl-ewro u, wara, biex nagħmlu suċċess mill-ewro wkoll.

Għax jifhem pajjiż żgħir bħal Malta u għax għandu esperjenza fil-qalba tad-deċiżjonijiet kemm f’pajjiżu kif ukoll fl-Ewropa fil-grupp tal-ewro, Jean Claude Juncker ikun President tal-Kummissjoni Ewropea ideali għal Malta.

Fit-tmexxija tal-Kummissjoni, iġib miegħu l-esperjenza u l-għaqal li bihom għen ħalli l-ewro, ftit biss wara li twaqqaf, għeleb l-isfida tad-djun ta’ pajjiżi bħall-Greċja. Il-programm ta’ Juncker hu fil-fatt ibbażat fuq l-esperjenza, is-solidarjetà u l-futur.

Għax l-Ewropa kibret anke mill-kriżijiet li ġarrbet – minn gwerer dinjin u problemi ekonomiċi, illum hi kontinent magħqud, li jrid ikomplu jiżviluppa b’risq in-nies, b’risq l-Ewropej kollha. Għalhekk il-futur fil-programm ta’ Juncker, u s-solidarjetà, biex l-Ewropej kollha jħossu li qed igawdu mill-għaqda tal-Ewropa.

Illejla, hawn Malta stess, se nkunu nistgħu niltaqgħu ma’ dan il-kandidat ewlieni għall-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea u nitkellmu miegħu dwar dak li nixtiequ mill-Ewropa fis-snin li ġejjin u nisimgħuh jispjega aktar il-programm tiegħu biex aħna l-Maltin inkomplu nagħmlu aktar kisbiet bis-sħubija.

Għax is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, li ħafna minna tħabtu għaliha bl-impenn tagħhom fil-Partit Nazzjonalista, mhix ġrajja ta’ għaxar snin ilu imma mixja kontinwa, issa u għal li ġej, biex ingawdu d-drittijiet tagħna bħala Matin u Ewropej, u nieħdu sehem fil-ġid ekonomiku, il-ftuħ politiku u soċjali, u l-avvanz kulturali u ambjentali li vvutajna għalihom fl-akbar deċiżjoni li ħadna bħala Maltin kemm ilna sovrani.