Kunsilli Lokali Lokali

Il-Bord tal-Governanza Lokali jikkundanna lingwaġġ użat mill-Kunsillier Laburista Marc Sant

Il-Bord ta’ Governanza Lokali ddeplora l-lingwaġġ użat mill-Kunsillier Laburista ta’ Ħal Lija Marc Sant fil-konfront tad-Direttur għall-Gvern Lokali Carmelo Abela. Dan wara li l-Bord ra l-korrispondenza li għaddiet bejn diversi Uffiċjali tad-Dipartiment u l-iskambju ta’ korrispondenza bejn Marc Sant u d-Dipartiment.

Fi stqarrija l-Bord ikkundanna l-aġir ta’ Marc Sant u għamel referenza għall-Kodiċi tal-Etika li jgħid li rappreżentanti eletti ma għandhomx jagħmlu allegazzjonijiet mhux xierqa u derogatorji li tista’ twassal biex xi membru tal-istaff iħossu offiż.

L-istess stqarrija tgħid li kien ikkanċellat il-proċess tal-għażla ta’ Segretarju Eżekuttiv għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Lija iżda ma tagħti l-ebda raġuni għaliex dan il-proċess kellu jiġi kkanċellat u tgħid biss li dan sar “fl-aħjar interess tat-trasparenza u l-kontabilità.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, fi stqarrija, qal li se jkun qed jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Bord u li se jitlob lid-Direttur għall-Gvern Lokali sabiex jara li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikunu mwettqa minnufih mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.