Operaturi turistiċi mis-settur tal-lukandi u mis-settur tal-għaddasa ddikjaraw li l-Unjoni Ewropea u l-għajnuna li din tagħti kienet u għadha fundamentali għall-iżvilupp tas-settur tagħhom. L-operaturi esprimew din il-fehma mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel dalgħodu fil-Lukanda Xlendi f’Għawdex u fis-St Andrew’s Divers Cove fil-bajja tax-Xlendi wkoll.
Akkumpanjat mill-kanidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norman Valla u Kevin Cutajar, mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo, il-Kap tal-PN tkellem mal-operaturi dwar l-isfidi li dawn is-setturi qed jiffaċċjaw u l-mod kif permezz tal-UE dawn jistgħu jtejbu l-operat tagħhom u jiftħu orizzonti ġodda. Waqt iż-żjara fil-Lukanda Xlendi, il-General Manager Charmaine Vella rringrazzjat lill-Kap tal-PN u lill-PN għall-ħidma li twettqet biex Malta ssieħbet fl-UE għax kien grazzi għal din is-sħubija li l-industrija turistika f’Għawdex setgħet tikkompeti u ttejjeb il-prodott.
Filwaqt li qalet li l-lukanda gawdiet minn fondi tal-UE biex setgħet tinvesti aktar minn €2 miljun, Charmaine Vella spjegat kif minn lukanda li tħaddem erba’ persuni fit-tmeninijiet, illum il-Lukanda Xlendi tħaddem 35, filwaqt li minn 12-il appartament dak iż-żmien, illum għandha 116-il sodda.
Waqt iż-żjara lill-istabbilment tad-Diving St Andrew’s Divers Cove, il-Kap tal-PN intlaqa’ mid-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija Mark Busuttil u miegħu tkellem dwar is-sitwazzjoni attwali f’dan is-settur. Mark Busuttil enfasizza l-importanza li jsiru żoni ta’ konservazjzoni fil-baħar biex għal ċertu perjodu ma jsirx sajd. Dan biex wara erba’ snin, din iż-żona tkun waħda mimlija ħut. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-industrija tal-għaddasa u anke għas-sajjieda nfushom għax il-ħut li jikber imur f’żoni oħra b’opportunitajiet kbar għalihom. Pajjiżi oħra Mediterranji qed jimxu fuq din l-istrateġija.
Mal-operaturi ta’ St Andrew’s Divers Cove, il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-importanza li dan is-settur ikun mifrux fuq is-sena kollha u anke dwar l-attrazzjonijiet f’qiegħ il-baħar, li jeħtieġ li jsiru biex jattiraw aktar għaddasa barranin.
//= $special ?>