Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil akkuża lill-Gvern li qed jinganna lill-Għawdxin fil-mod kif mhux iżomm il-wegħdi elettorali li għamel magħhom. Meta indirizza attività soċjali f’Marsalforn, Simon Busuttil ta l-provi tal-mod kif dan qed isir u semma’ l-wegħda miksura li se jinħoloq xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, il-wegħda mhux miżmuma li se jinfetaħ Casino f’Għawdex u l-wegħda li ma twettqitx li f’Ghawdex isir Cruise Liner Passenger Terminal.
Simon Busuttil qal li minflok ħoloq xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex, il-Gvern ħoloq biss xogħol għal tal-qalba. Mal-Għawdxin, il-PN jimxi b’mod differenti u dan urih kull darba li kien fil-Gvern. Filwaqt li semma’ l-proġetti infrastrutturali kbar li wettaq Gvern Nazzjonalista permezz ta’ investment dirett u anke fondi mill-UE f’Għawdex, il-Kap tal-PN sostna li kuntrarju għall-Gvern Laburista, il-PN fil-Gvern dejjem kellu viżjoni għal Għawdex. Dan għaliex, sostna Simon Busuttil, il-PN kien, għadu u jibqa’ l-Partit ta’ Għawdex.
Il-Kap tal-PN appella lill-Għawdxin biex fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew jappoġġjaw u jivvutaw lill-kandidati kollha tal-PN ħalli l-poplu Malti jkollu s-saħħa ta’ tliet MEPs Nazzjonalisti li jiddefenduh u jsemmgħu leħnu fil-Parlament Ewropew.
//= $special ?>